Sewwieq Ta’ Mutur Sofra Ġrieħi Gravi F’Ħabta Ma’ Vettura F’San Ġwann

Raġel ta’ 30 sena li jgħix San Ġiljan sofra ġrieħi gravi wara li ħabat bil-mutur ma’ vettura oħra.
L-aċċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tat-8:00pm, fi Triq in-Naxxar, San Ġwann.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Kia Sportage, misjuqa minn Libjan ta’ 35 sena residenti Tal-Pietà, u mutur Kymco, misjuq mill-vittma.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.