Sid Ta’ Ħanut Jista’ Jeħel Multa Ta’ €500 Jekk Jinqabad Li Daħħal Klijenti Bla Ċertifikat Tal-Vaċċin Validu

 Sid Ta’ Ħanut Jista’ Jeħel Multa Ta’ €500 Jekk Jinqabad Li Daħħal Klijenti Bla Ċertifikat Tal-Vaċċin Validu

Minn nhar it-Tnejn li ġej sidien ta’ stabbilimenti bħal ristoranti, barijiet, każini, snack bars, clubs, swali taċ-ċinema, teatru, casinos, bingo halls, u gaming parlours, gyms u ċentri tal-fitness, pools, spas u saunas, jistgħu jeħlu multa ta’ €500 jekk jinqabdu li daħħlu klijenti fl-istabbiliment tagħhom bla ċertifikat tal-vaċċin validu.

Dan għadu kemm ġie konfermat permezz tal-pubblikazzjoni tal-avviżi legali li għadhom kemm ħarġu b’rabta ma’ dak li ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne fil-konferenza tal-bieraħ.

F’dawn il-postijiet jistgħu jaċċettaw klijenti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin validu biss. Dan ifisser li trid tkun ħadt it-tilqima tal-booster, jew ma’ jkunux għaddew 3 xhur mit-tieni doża tal-vaċċin.

Madanakollu hemm persuni li se jkunu eżentati miċ-ċertifikat minħabba li ma jistgħux jieħdu t-tilqima tal-booster. Dawn huma: nisa fl-ewwel tliet xhur tat-tqala tagħhom, persuni eżentati fuq bażi medika mill-Uffiċċju tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, tfal ta’ taħt it-18-il sena (li għandhom juru ċ-ċertifikat b’żewġ dożi fil-każ ta’ tfal ta’ ‘l fuq minn 12-il sena). Filwaqt li persuni li kienu pożittivi għall-COVID-19 fl-aħħar 6 ġimgħat se tingħatalhom eżenzjoni ta’ 6 ġimgħat sabiex jieħdu l-booster. Dawn għandhom juru r-riżultat ta’ swab pożittiv li jkun sar fl-aħħar 6 ġimgħat sabiex jidħlu fl-istabbilimenti msemmija.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa nedew app li tista’ titniżżel fuq smart phone sabiex is-sidien tal-ħwienet ikunu jistgħu jiċċekkjaw iċ-ċertifikati u jassiguraw li huwa validu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com