Skema Ġdid Ta’ €700,000 Għal Proġetti Ambjentali

 Skema Ġdid Ta’ €700,000 Għal Proġetti Ambjentali

Il-kunsilli lokali jistgħu japplikaw għal fondi biex iwettqu proġetti ambjentali permezz ta’ skema ġdida minn Ambjent Malta (AM).

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex joħorġu bi proposti għal proġetti ambjentali mmirati biex itejbu l-ambjent urban u b’hekk jikkontribwixxu għall-benesseri taċ-ċittadini.

Huwa qal li Ambjent Malta se tikkunsidra l-aqwa inizjattivi ambjentali irrispettivament minn jekk hux proġett kbir jew żgħir, b’€700,000 disponibbli għal din l-iskema. Spjega li dan il-fond huwa parti minn pjan kontinwu biex jitjiebu l-ispazji urbani ta’ Malta u ta’ Għawdex u jinkorporaw fihom prinċipji ambjentali u sostenibbli. Qal ukoll li l-urban greening tinkorpora fiha proġetti ta’ tisbiħ urban li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini u l-ambjent ta’ madwarhom.

“L-ekoloġizzazzjoni tal-bliet twassal għal bosta impatti pożittivi, fosthom il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja u tal-istorbju, u l-ġbir tal-ilma tax-xita li jista’ joħloq għargħar. Proġetti bħal dawn jikkontribwixxu għall-benesseri, is-saħħa fiżika u mentali, kif ukoll ipattu għall-emissjonijiet tal-karbonju li kieku jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima,” qal il-ministru.

Il-proġetti ta’ tħaddir fl-urban jinkludu t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, installazzjoni ta’ ġonna vertikali, soqfa ħodor, pilastri ħodor u bankijiet, proġetti ambjentali fi pjazez u toroq f’żoni urbani, installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ irrigazzjoni, parks u żoni ħodor.

“Għandna bżonn l-involviment ta’ kulħadd – minn individwi sa NGOs u kunsilli lokali – biex jingħaqdu magħna fl-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni għal Malta aktar ekoloġika. Filwaqt li huwa importanti li nissalvagwardjaw u nsostnu ż-żoni rurali, il-kampanja u żoni oħra — huwa daqstant ieħor jekk mhux aktar importanti li ntejbu l-postijiet li fihom ngħixu, naħdmu u nqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin tagħna fihom. Huwa b’dan il-mod li se nkomplu nindirizzaw tassew il-kwistjoni tal-kwalità tal-ħajja,” qal il-ministru filwaqt li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jisfruttaw dan il-fond kif ukoll fondi oħrajn disponibbli għalihom permezz ta’ Ambjent Malta u oħrajn – inkluż il-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm id-Direttur ta’ Ambjent Malta Herman Galea u l-President għall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava.

Biex tkun ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali, Ambjent Malta se tmexxi seminar online biex tipprovdi aktar informazzjoni u tkun disponibbli biex tassisti kif meħtieġ.

L-applikazzjonijiet li jkunu eleġibbli jiġu evalwati minn kumitat tal-għażla maħtur minn Ambjent Malta. L-applikazzjonijiet magħżula se jkunu bbażati fuq kriterji stabbiliti. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq https://environment.gov.mt/en/ambjentmalta/Pages/lcUrbanGreeningScheme2022.aspx

L-iskema tibqa’ miftuħa sat-Tnejn 28 ta’ Frar 2022.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com