Spazju Abbandunat F’Ħal Safi Se Jinbidel Fi Spazju Miftuħ Aċċessibbli Għall-Persuni B’Diżabilità

 Spazju Abbandunat F’Ħal Safi Se Jinbidel Fi Spazju Miftuħ Aċċessibbli Għall-Persuni B’Diżabilità

B’investiment ta’ €200,000, żona abbandunata b’medda ta’ madwar 1,165 metru kwadru se tkun riġenerata u mibdula fi spazju miftuħ li joffri aċċessibilità lill-persuni b’diżabilità, u jassigura effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bħalma huma l-ilma u d-dawl.

L-iżvilupp ta’ dan l-ispazju miftuħ se jkun qed jara li jiġi mibni ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita sabiex dan ma jintilifx u jintuża għat-tisqija tal-ġnien.

Se jkun qed isir investiment fis-sistema tad-dawl li se jassigura effiċjenza u titjib fis-servizz.

Dan il-proġett għall-komunità tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard fil-preżenza tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.

Fost l-għanijiet ta’ dan il-proġett hemm dak li joffri spazju miftuħ fil-komunità ta’ Ħal Safi, biex ir-residenti ta’ dan ir-raħal ikollhom post għar-rikreazzjoni. Parks Malta qed tassigura żona ta’ picnic kif ukoll  dog park, fejn se jkun hemm apparat apposta sabiex il-klieb ikunu jistgħu jiġu mħarrġa f’żona sigura.

“Minn żmien għall-ieħor qed inħabbru diversi proġetti ta’ spazji miftuħa, filwaqt li dejjem  inżommu f’moħħna l-element sostenibbli fejn il-ġnien jitħaddem b’sistemi effiċjenti u fejn jipprovdi aċċessibilità għal kulħadd. Għalhekk flimkien ma Parks Malta kommessi li nkomplu nagħtu aktar spazji miftuħa liċ-ċittadini tagħna”, qalet il-Ministru Dalli.

L-investiment se jkopri wkoll it-tneħħija ta’ speċi invażivi u t-tħawwil ta’ pjanti u siġar indiġeni.

“Parks Malta impenjati nkomplu naħdmu ma’ aktar kunsilli lokali biex inkomplu nipprovdu spazji miftuħa fil-komunità. Għalhekk issa nħarsu ‘l quddiem biex fi ftit żmien ieħor il-pubbliku jkun jista’ jgawdi dawn il-ġonna”, qal is-Sur Adrian Attard.

Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm id-Direttur Ġenerali  ta’ Parks Malta Adrian Attard u rappreżentati mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.

Ir-riġenerazzjoni ta’ dan il-ġnien se tkun qed titlesta fix-xhur li ġejjin. ​​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com