Spazju Mitluq F’Ħal Far Se Jinbidel F’Żona Industrijali Ġdida Għal Negozji Żgħar U Medji

 Spazju Mitluq F’Ħal Far Se Jinbidel F’Żona Industrijali Ġdida Għal Negozji Żgħar U Medji

B’investiment ta’ €12-il miljun, se jsir investiment f’faċilità ġdida għal negozji żgħar u medji, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, li spjega kif l-investiment se jkun qed jindirizza sfida li tant ilhom jaffaċċjaw għadd ta’ negozji, jiġifieri l-isfida ta’ nuqqas ta’ spazju minn fejn joperaw.

Din il-faċilità se tkun qed tinbena fuq tliet livelli fi spazju ta’ 14,000 metru kwadru ta’ art.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li s-sit identifikat kien mitluq u jintuża biss b’mod illegali għal rimi ta’ skart li kien jikkawża spiża kbira għal Indis Malta li kienet kull darba toqgħod tnaddaf wara l-abbuż irresponsabbli. “Għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li dan is-sit jitnaddaf u jingħalaq fl-istess waqt li identifikajna opportunità fi sfida, dik li jingħata spazju għal negozji żgħar u medji’. Żied jgħid li dan l-investiment jagħmel parti mill-programm infrastrutturali ta’ investiment industrijali ta’ €470 miljun.

Ix-xogħlijiet fuq is-sit se jkunu finalizzati fl-ewwel kwart tal-2024 u t-tender għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni se joħroġ ix-xahar id-dieħel. Diġà ħarġet is-sejħa pubblika għat-tindif u għat-tħaffir tas-sit u se jsir titjib fl-infrastruttura tat-triq sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà.

Il-Ministru spjega kif il-pjan għal dan is-sit huwa li fil-pjan terran jinbnew 22 unit li bejniethom se joħolqu madwar 5,800 metru kwadru ta’ spazju industrijali ġdid.

Tmien units oħra li se jinbnew fil-livelli ta’ fuq se joħolqu madwar 4,200 metru kwadru ieħor.

Filwaqt li se jkun hemm livell ieħor taħt l-art fuq medda ta’ 6,800 metru kwadru, li jintuża bħala garaxx bi spazju għal madwar 140 karozza.

Il-Ministru semma li fil-każ ta’ din il-faċilità, fejn is-soltu l-ewwel tiġi mirċieva t-talba tal-investitur imbagħad tinbena skont dik it-talba, f’dan il-każ qed tinbena l-faċilità l-ewwel b’mod li jkun hemm il-proprjetà industrijali mibnija lesta u li tkun tista’ tiġi allokata mal-ewwel. Għaldaqstant INDIS Malta se tibda tirċievi l-applikazzjonijiet mingħand negozji żgħar u medji sabiex tiskatta l-proċess ta’ allokazzjoni ta’ dawn il-units.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com