Tħabbar Investiment Fl-Infrastruttura U Pjattaformi Diġitali Għall-Kunsilli Lokali

 Tħabbar Investiment Fl-Infrastruttura U Pjattaformi Diġitali Għall-Kunsilli Lokali

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li b’investiment ta’ madwar €750,000 bdiet titwettaq l-Istrateġija Diġitali għall-Gvern Lokali, fejn ġew indirizzati l-ħtiġijiet u nuqqasijiet fil-qasam tal-informatika fi ħdan il-kunsilli lokali u reġjonali.

Il-Ministru Herrera stqarr li dan l-investiment se jkun qed jgħin mhux biss liċ-ċittadini, iżda wkoll lill-impjegati tal-kunsilli lokali u reġjonali, fejn se jkun qed jagħti spinta sabiex jiffaċilita x-xogħol u kif ukoll is-servizz mogħti lil dawk kollha li jirreferu għal xi tip ta’ bżonn lill-kunsill lokali.

Ġie spjegat li fi ħdan il-kunsilli lokali ġew imqassma madwar 70 laptop u ġew konnessi mat-337 apparat elettroniku ieħor fuq is-sistema tal-MITA, sabiex b’hekk jiġi żgurat servizz aktar effiċjenti u sigur. Se tiġi mibdula wkoll is-sistema tal-insfrastruttura tal-informatika kollha tal-kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, ġie mħabbar ukoll li qed jitnieda portal diġitali ġdid fejn is-sistema tal-permessi li jingħataw mill-kunsilli lokali tkun fuq pjattaforma online. Għaldaqstant iċ-ċittadini mill-kumdità ta’ djarhom ħa jkunu jistgħu japplikaw għal permessi varji fuq sit elettroniku ġdid. Dan il-proġett għandu jitlesta matul din is-sena u se jinkludi il-kunsilli lokali kollha.

Inizjattiva oħra hija dik tal-Wifi4EU, fejn sa issa 27 kunsill lokali f’Malta u Għawdex ibbenifikaw mill-iskema maħruġa mill-Unjoni Ewropea, fejn permezz tiegħu ċ-ċittadini qed jibbenefikaw minn WIFI sigur u ta’ kwalità, bla ħlas, f’diversi postijiet pubbliċi. Matul din is-sena l-ammont ta’ lokalitajiet li se jkollom dan il-wifi installat se jitla’ għal madwar 54.

Il-Ministru Herrera kkonkluda li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa sabiex ikompli jiġi aġġornat l-operat tal-gvernijiet lokali, sabiex ikomplu jagħtu servizz aħjar u aktar effiċjenti liċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħna.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com