Titħabbar Il-Mewt Tal-President Tal-Parlament Ewropew David Sassoli
Matul il-lejl li għadda tħabbret il-mewt tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, fl-età ta’ 65 sena.
Sassoli kien ilu rikoverat l-isptar ta’ Aviano fil-provinċja ta’ Pordenone fl-Italja sa mis-26 ta’ Diċembru li għadda minħabba kumplikazzjonijiet serji li żviluppawlu kawża ta’ problemi fis-sistema immunitarja tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali sellem il-memorja ta’ David Sassoli. Huwa qal li Sassoli ħadem u ta’ kontribut qawwi għal aktar solidarjetà fost il-pajjiżi kif ukoll fil-qasam demokratiku.
Deeply saddened by the death of @EP_President David Sassoli – his contribution to the #EP for more #solidarity and more #democracy will live on – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) January 11, 2022
Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li David Sassoli se jibqa’ imfakkar bħala bniedem ta’ eżempju li żamm fuq quddiem l-interessi tal-poplu Ewropew. Huwa kien ukoll bniedem li għaraf iħaddem bl-aħjar mod il-presidenza fdata lilu.
Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-kumplament tal-Unjoni Ewropea f’dan il-mument ta’ niket.
Bosta Membri Parlamentari Ewropej dalgħodu sellmu l-memorja ta’ David Sassoli u qalu li l-Ewropa tilfet mexxej.