Titlesta Triq It-Torri Ta’ Kenuna Wara Li Nbniet Mill-Ġdid Flimkien Mal-Belvedere Fin-Nadur
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar Triq it-Torri ta’ Kenuna ġewwa n-Nadur li tlestiet ftit tal-ġimgħat ilu wara li nbniet mill-qiegħ, kif ukoll il-Belvedere ġdid b’veduti mill-isbaħ fuq il-fliegu tal-Gżejjer Maltin.
Il-Ministru Camilleri qal li, “waqt li nbniet it-triq saret bażi għall-bankina ġdida fejn tkabbar il-Belvedere. Twaħħal madum ġdid u l-bankina baqgħet tielgħa mill-Belvedere sat-Torri ta’ Sopu. Barra minn hekk, twaħħlu bollards ġodda tad-dawl u saret sistema ġdida tad-dawl u twaħħlu bankijiet ġodda.”
Ix-xogħol sar b’finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Nadur. Fil-fatt, preżenti kien hemm is-Sindku tan-Nadur Edward Said flimkien mal-kunsilliera li rringrazzjaw lill-ministru tax-xogħol li qed isir f’dan ir-raħal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proġetti ta’ bini ta’ toroq arterjali u residenzjali.
Il-Ministru Camilleri stqarr li fis-sena 2020, tlestew kważi 42,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda filwaqt li fl-2021, is-sena li għadha kif intemmet, tlestew madwar 68,000 metru kwadru ta’ toroq ġodda.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi qal li din is-sena se jkomplu jiġu mwettqa aktar wegħdi ta’ toroq aħjar u se jitkompla x-xogħol bl-istess ritmu madwar l-irħula kollha ta’ Għawdex.
Ritratti: DOI