“Tlifna Persuna Oħra Mill-Belt…” – Il-Viċi Sindku Tal-Belt Ray Azzopardi
“Tlifna Persuna Oħra Mill-Belt…” Hekk kiteb il-lejla l-Viċi Sindku tal-Belt Valletta Ray Azzopardi fuq il-mezzi soċjali tiegħu.
Huwa ħabbar il-mewt ta’ Gerit Lapira, “persuna li għalija nista’ insejħilha ikona għal min huwa tampari.”
Ray Azzopardi kiteb li Gerit hija sinonima maż-żgħożija tiegħu u ta’ ħafna tal-età tiegħu. “Kont dejjem issibha il-gabbana ta ħdejn il-barrakka ta’ isfel lesta biex isservik minn qalbha…dejjem bi tbissima ħelwa.”
Huwa semma ftit episodji li jiftakar, ta’ tfal li kienu, kienu jmorru jixtru xi ġelat jew luminata u ma’ kienx ikollhom flus biżżejjed, Gerit kienet tgħidilhom “ejja ġib li għandek” u minkejja kollox kienet togħxa tara it-tfal kuntenti, kompla jgħid Ray Azzopardi.
Huwa kompla jgħid li lil Gerit jibqa’ jiftakarha meta kienet tieħu ħsieb lin-nies tal-akwata tal-barrakka u kienet tkun minn tal-ewwel biex tgħin lil kullħadd.
“Ma kellix mibegħda lejn ħadd, anzi dejjem lesta biex ittik parir tajjeb u f’waqtu,” kiteb Azzopardi.
Huwa temm jagħti l-kondoljanzi lill-familja kbira ta Lapira.