20,000 Tifel U Tifla Se Jibbenefikaw Mill-Proġett Ta’ Attività Fiżika ‘Fun Fit Football’
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport b’ħidma biex iżid l-attività fiżika fl-iskejjel, kemm bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Isport, kif ukoll biex jikkumbatti r-rata ta’ obeżità fit-tfal.
Il-Ministru Clifton Grima kien qed jitkellem waqt attività li saret flimkien mal-Malta Football Association, fejn ġie mniedi l-programm Fun Fit Football. Dan il-proġett huwa riżultat li joħroġ minn taħdidiet u wkoll ftehim li kien iffirmat mal-MFA fix-xhur li għaddew. L-għan tal-ftehim huwa li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-MFA, bl-għan finali li jiżdied in-numru ta’ tfal involuti fil-futbol regolari jew f’attività fiżika.
Il-Programm Fun Fit Football huwa ffinanzjat mill-UEFA flimkien ma’ għajnuna mill-Gvern. Permezz tiegħu, il-coaches ta’ Fun Fit Football se jżuru l-iskejjel kollha primarji u jagħmlu sessjoni waħda ma’ kull klassi u tliet sessjonijiet fil-Year 6, li tinkludi wkoll sessjoni futsal. Minn dan il-proġett li huwa miftuħ għat-tfal kollha, bniet u subien, se jibbenefikaw 60 skola primarja f’Malta u 12-il skola f’Għawdex u huwa stmat li f’sena se jibbenefikaw 20,000 tifel u tifla. Il-proġett se jiffoka b’mod speċjali fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet fiżiċi u mhux biss ħiliet tekniċi speċifiċi għall-futbol u li jkunu inklussivi għat-tfal kollha tal-iskola.
Il-proġett se jsir kull nhar ta’ Ġimgħa f’dak li qed jissejjaħ ‘Active Fridays’. Apparti l-parteċipazzjoni tat-tfal se jkun hemm ukoll l-involviment tal-edukaturi għaliex dawn se jingħataw booklet biex ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu s-sessjonijiet tal-Fun Fit Football mat-tfal.
Il-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo qal, “Permezz tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, l-assoċjazzjoni qiegħda toħloq opportunitajiet għal żvilupp individwali u kollettiv filwaqt li turi impenn bla waqfien lejn il-grassroots football, bl-għan li żżid il-parteċipazzjoni u tiffaċilita t-triq mill-grounds tal-iskola għan-nurseries tal-futbol billi tiżgura mhux biss attività fiżika regolari iżda tippromwovi wkoll il-futbol bħala għodda soċjali u edukattiva”.
Min-naħa tiegħu, Ivan Woods, Head Grassroots Development, qal li, “B’dan il-programm qegħdin għall-ewwel darba nilħqu t-tfal kollha fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex permezz ta’ coaches speċjalizzati. Huwa stmat li matul din is-sena, se nkunu lħaqna madwar 20,000 tifel u tifla bl-għan li nħajruhom jersqu lejn il-logħba tal-futbol”.
Ritratti: DOI