37 Proġett Mill-Każini Tal-Baned Jibbenefikaw Minn Skema Ta’ Aktar Minn €95,000
Permezz tal-iskema ‘It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda’, 37 proġett mill-każini tal-baned qegħdin jibbenefikaw minn aktar minn €95,000 biex ikun jistgħu jitwettqu.
F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-fondi, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat kif il-baned fl-irħula Maltin u Għawdxin, li ilhom jeżistu għal mijiet ta’ snin, dejjem servew bħala mudell ewlieni ta’ volontarjat.
Il-Ministru qalet li dawn il-baned mhux biss kienu strumentali biex iferrħu lill-folol bil-mużika tagħhom matul is-snin, iżda anke pprovdew opportunità lil eluf ta’ żgħażagħ biex jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet mużikali tagħhom mingħajr ħlas. Spjegat li dan ma jridx jieqaf u għalhekk il-baned iridu jkomplu jiġu sostnuti permezz ta’ skemi bħal dawn biex jiżguraw li dak li sar matul dawn il-mijiet ta’ snin ma jintilifx.
Bħala skema, din qiegħda tinkoraġġixxi lill-baned lokali biex joħorġu bi proposti ta’ kif jistgħu jattiraw żgħażagħ ġodda biex jitrawmu fil-mużika, jew inkella jkomplu t-tagħlim tagħhom.
B’kollox qiegħda tingħata għajnuna lil 37 proġett, li jvarjaw minn investiment f’aktar strumenti mużikali ġodda, għal titjib fl-ambjent tal-klassijiet fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu l-mużika. Proġetti oħra se jiffokaw fuq kampanji li permezz tagħhom jattiraw aktar żgħażagħ biex jitgħallmu l-mużika.
Permezz ta’ din l-iskema qiegħed jintlaħaq l-Għan Strateġiku Numru 5 tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li jirrakkomanda l-promozzjoni tal-ħiliet mużikali taż-żgħażagħ u li dawn ikunu mħeġġin biex jipparteċipaw fil-produzzjoni tal-mużika permezz ta’ programmi nazzjonali u inizjattivi li jgħinuhom jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fl-arti u l-kultura. Din l-iskema qiegħda tiġi amministrata minn Aġenzija Żgħażagħ, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma qalet li l-aġenzija temmen li skemi bħal dawn jagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex jitgħallmu strument tal-mużika u jsiru parti mill-banda tar-raħal. Spjegat li l-għan ta’ din l-iskema hu biex il-każin tal-banda jkun jista’ jiżviluppa proġetti mużikali li huma innovattivi u jilħqu diversi żgħażagħ.
It-teżorier tal-Għaqda Każini tal-Banda Chris Briffa qal li din l-iskema hi turija ċara tal-impenn governattiv u dak tal-Għaqda Każini tal-Banda sabiex tkompli titrawwem u tiġi inċentivata l-edukazzjoni mużikali fil-każini tal-banda.
Spjega kif din hi injezzjoni ta’ fiduċja fil-każini tal-banda, li trid tissaraf f’tagħlim u programmi professjonali b’risq l-istudenti ta’ dawn l-iskejjel mużikali. Qal ukoll li l-għan tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda hi li tkompli ttejjeb dawn il-programmi ta’ tagħlim bit-tnedija tal-Kurrikulu Nazzjonali Mużikali, kif ukoll it-twaqqif ta’ formazzjoni mużikali għall-istudenti kollha li kienu jew qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-fondi.
Ritratti: DOI