Aktar Nies Mejta F’Attakki Mir-Russi Fuq L-Ukrajna – Il-President Ukren Jgħid Li S’Issa Qed Jiddefendu Lill-Art Twelidhom Waħedhom

 Aktar Nies Mejta F’Attakki Mir-Russi Fuq L-Ukrajna – Il-President Ukren Jgħid Li S’Issa Qed Jiddefendu Lill-Art Twelidhom Waħedhom

L-attakki Russi bil-missili fuq il-belt kapitali Ukrena komplew matul dan il-lejl b’diversi splużjonijiet f’Kyiv.

Il-President Ukren Zelensky qal li s’issa nqatlu 137 ċittadin Ukren f’dawn l-attakki li ħafna minnhom qed ikunu fuq nies pajżana. Qal ukoll li r-Russi ħadu l-kontroll tal-kumpless ta’ Chernobyl.

Matul l-aħħar sigħat kien hemm rapporti wkoll ta’ ġlied fit-toroq bejn suldati Ukreni u Russi fil-belt ta’ Sumy, li tinstab madwar 30 kilometru ‘l bogħod mill-fruntiera mar-Russja.

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali l-President Ukren qal li s’issa qed jiddefendu lil pajjiżhom waħedhom mingħajr għajnuna.

“Dalgħodu, qed niddefendu lil pajjiżna waħedna. L-istess bħall-bieraħ, l-iktar pajjiżi b’saħħithom fid-dinja għadhom qed iħarsu mill-bogħod,” saħaq Volodymyr Zelensky, fejn deher ċar li kien qed jirreferi għall-Istati Uniti. Huwa kompla jgħid li diversi pajjiżi qed jimplimentaw sanzjonijiet kontra r-Russja, “imma dan mhux biżżejjed biex il-forzi militari Russi joħorġu minn fuq artna.”

Il-President Ukren qal li l-forzi Ukreni u l-poplu qed jiddefendi sew u tajjeb ħafna lil pajjiżu, “u xejn mhu se jwaqqafna milli nkomplu nagħmlu dan,” kompla jisħaq fil-messaġġ tiegħu, filwaqt li qal li hija gidba li r-Russi qed jattakkaw biss binjiet militari. Huwa qal li attakki orribbli bħal dawn ilhom ma’ jkunu esperjenzati fuq l-Ukrajna mit-Tieni Gwerra Dinjija.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com