Ara D-Dettalji Ta’ Kif Se Tkun Organizzata L-Attività Bil-Vara Ta’ San Pawl F’Jum Il-Festa
Hekk kif ilbieraħ tħabbar li l-vara ta’ San Pawl se tkun qed toħroġ mill-Knisja Kolleġġjata, l-Kapitlu u l-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta ħabbru d-dettalji ta’ kif se tkun qed issir l-attività għada f’jum il-festa.
L-attività se tkun qed tibda fis-7pm, fi Triq San Pawl, u ser tkun organizzata skont il-protokolli kollha li jipproteġu s-saħħa pubblika.
Il-vara ta’ San Pawl ser tkun qed tinħareġ mill-Knisja u tinġarr għall-wita fit-triq tal-Knisja stess. Il-vara se tkun milqugħa mill-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette, li ser tagħti kunċert ta’ innijiet u marċi Pawlini tal-okkażjoni.
Il-pubbliku li ser jattendi, ser ikun maqsum f’żewġ bubbles distinti, u huwa mitlub li jimxi mal-protokolli fosthom li jrid jibqa’ bilqiegħda, jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin, u tintlibes il-maskra tul l-attività kollha.
Il-postijiet ser ikunu fuq bażi first come first served, u dħul ikun min-naħa ta’ Triq San Ġwann.
Fi stqarrija l-Kapitlu tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u l-Għaqda tal-Pawlini rringrazzjaw lill-Arċisqof ta’ Malta u l-awtoritajiet li intlaħaq ftehim, filwaqt li jawguraw il-festa ttajba lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.