Għaraftuh It-Tifel Li Kien Qed Idoqq Il-Pjanu F’Nofs It-Tank Tar-Rinella Fil-Ftuħ Tal-Malta Film Awards?
Minkejja l-kontroversja li ġab miegħu l-Malta Film Awards, ġimgħatejn wara diversi nies għadhom qed isaqsu dwar il-ftuħ ta’ dawn l-istess awards b’mod partikolari l-ewwel 30 sekonda fejn jidher tifel idoqq il-pjanu f’nofs il-baħar.
“Din ix-xena biss kellha filming ta’ kważi 6 sigħat…Kienet esperjenza sabiħa ħafna.”
Tkellimna ma’ Quiven Ellul ta’ seba’ snin li kien il-protagonist ta’ din ix-xena li fetħet il-Malta Film Awards billi daqq il-pjanu waħdu f’nofs it-tank tar-Rinella.
Quiven huwa nieqes mid-dawl, però din is-sitwazzjoni ma’ taqtalu qalbu xejn għaliex Quiven sar jaf jagħmel kollox bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħu, kif ukoll issa ilu sentejn li beda jdoqq il-pjanu. Quiven fil-fatt idoqq il-pjanu billi jittrasmetti dak li jkun qed jisma’.
Komplejna nitkellmu ftit dwar din l-esperjenza unika li kellu waqt il-ġbid ta’ din ix-xena fil-Film Studios tar-Rinella, u bla tlaqliq qalilna mal-ewwel li meta l-produtturi avviċinawh dwar din l-idea, mal-ewwel għoġbitu u aċċetta li jagħmilha.
Quiven qalilna li “l-ħaddiema tal-Film Studios kienu eċċezzjonali u professjonisti, ħadu ħsiebi ħafna.”
Fil-fatt din ix-xena verament kienet miġbuda f’nofs it-tank tar-Rinella billi ntużat pletform li fuqha kien hemm il-pjanu u Quiven. Huwa qalilna li ma’ ħallewhx waħdu però taħt l-ilma kien hemm żewġ bugħaddasa li kienu l-ħin kollu għassa tiegħu.
“Din kienet esperjenza sabiħa ħafna…meta tarah jinħadem umbad tara r-riżultat finali, hija xi ħaġa li tħallik bla kliem,” kompla jgħidilna Quiven.
Tkellimna wkoll mal-ġenituri tiegħu dwar din l-esperjenza unika, u qalulna, “meta rajna l-filmat finali dakinhar tal-Malta Film Awards…tista’ timmaġina…miljun emozzjoni f’daqqa.”
“Quiven huwa tifel determinat ħafna u ma jaqtax qalbu, u meta jkun miegħek ma tistax taqta’ qalbek,” temmet tgħidilna ommu, filwaqt li rringrazzjaw lil Malta Film Commission ta’ din l-esperjenza sabiħa ħafna.
Ara l-filmat: