Arrestati Żewġt Irġiel B’Rabta Ma’ Sensiela Ta’ Serq Minn Djar – Jitressqu L-Qorti Dalgħodu

 Arrestati Żewġt Irġiel B’Rabta Ma’ Sensiela Ta’ Serq Minn Djar – Jitressqu L-Qorti Dalgħodu

Il-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri arrestat żewġt irġiel mill-Georgia ta’ 38 u 45 sena, b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn residenzi privati.

Fi stqarrija ntqal li mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li fl-aħħar xhur seħħew mill-inqas 15-il serqa, f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Il-mira, djar privati fil-ħin li ma kien hemm ħadd ġewwa. Fost l-oġġetti misruqa, ġojjellerija, ħwejjeġ, fwieħa u flus kontanti, fost oħrajn.

L-investigazzjonijiet wasslu biex il-Pulizija tidentifika żewġ persuni li allegatament wettqu dawn is-serqiet u anke fejn kienu qegħdin jgħixu.

Kien għalhekk li l-Ġimgħa waranofsinhar, il-Pulizija ċċirkondat residenza f’Ħaż-Żabbar u ġew arrestati ż-żewġt irġiel li jiffurmaw parti minn allegat ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali. Minn tfittxija li saret fil-post fejn sar l-arrest, il-Pulizija elevat ħafna mill-affarijiet li ġew irrapportati misruqa.

L-irġiel se jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tal-11am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli, mill-Ispetturi Christina Delia u Joseph Mercieca mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Ispettur Ryan Vella tad-Distrett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com