Attivitajiet U Sessjonijiet Ta’ Informazzjoni Dwar Il-Futbol Għall-Anzjani Fi Djar Tal-Gvern
Permezz ta’ proġett pilota li se jitħaddem f’numru ta’ djar tal-anzjani tal-Gvern, se jiġu organizzati sessjonijiet dwar il-futbol mill-Malta Football Association. Dan grazzi għal ftehim iffirmat bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Malta Football Association.
Il-proġett, #mytime, minbarra li qed jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, se jkun qed jikkumplimenta numru ta’ attivitajiet li jiġu organizzati mid-dipartiment lill-anzjani biex l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia, fi tmiem l-iffirmar tal-ftehim, spjega li għal dan il-proġett pilota ġew identifikati sebat idjar, li huma tal-Mosta, tal-Imtarfa, tal-Furjana, tal-Mellieħa, ta’ Bormla, Dar Żammit Clapp, u dik taż-Żejtun. Il-Ministru qal li s-sessjonijiet se jkunu offruti kważi kollha mingħajr ħlas, għajr għal meta jkun hemm dħul għal logħob kompetittiv, fejn il-prezz xorta se jkun wieħed issussidjat. Huwa qal ukoll li t-trasport għall-attivitajiet se jkun ipprovdut mid-dipartiment.
Il-programm ta’ attivitajiet jinkludi sessjoni ta’ introduzzjoni mal-Football Social Responsibility Department; Żjara fl-istadium; Żjara fil-mużew tal-futbol u laqgħa mal-plejers tat-tim nazzjonali; Sessjoni ta’ walking football jew attivitajiet fiżiċi adattati skont il-bżonnijiet tal-parteċipanti; Dħul sussidjat għall-istadium biex l-anzjani jaraw logħob tal-futbol magħżula mill-parteċipanti.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-MFA se toffri s-sessjonijiet mal-anzjani u kull koordinazzjoni meħtieġa mal-kelliema, tutors, l-istadium u l-mużew, materjal inkluż. Huwa qal li l-MFA se tiżgura li kull attività fiżika kkoordinata għall-parteċipanti tkun sigura u adattata skont il-kapaċitajiet tal-istess parteċipanti.
Ritratti: DOI