Binjiet Mixgħula Bil-Vjola Għall-Jum Internazzjonali Tal-Epilessija
L-isem ta’ San Valentinu huwa immedjatament rikonoxxut minħabba l-“Jum San Valentinu” iċċelebrat internazzjonalment kull 14 ta’ Frar. Madankollu, huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-epilessija. Xi wħud jattribwixxu dan għall-isem “Valentine” li huwa simili għall-kelma Ġermaniża għal “waqa’,” peress li ħafna tipi ta’ aċċessjonijiet jistgħu jikkawżaw li persuna taqa’. Oħrajn jgħidu li Isqof jismu Valentine fejjaq lill-iben oratur Ruman minn aċċessjoni.
Irrispettivament mill-għeruq tagħha, l-2022 hija sena speċjali peress li ż-żewġ festi jikkoinċidu fl-14 ta’ Frar – Jum San Valentinu u Jum Internazzjonali tal-Epilessija. Aktar minn 130 pajjiż, inkluż Malta, se jorganizzaw avvenimenti speċjali biex iġibu l-attenzjoni għall-epilessija, waħda mill-aktar kundizzjonijiet komuni tal-moħħ li jaffettwaw ’il fuq minn 50 miljun ruħ madwar id-dinja, u ’l fuq minn 4,000 persuna f’Malta. L-Assoċjazzjoni tal-Epilessija ta’ Caritas Malta (CMEA), li ilha mwaqqfa għal 25 sena, taħdem bis-sħiħ biex ixerred aktar informazzjoni dwar din il-kundizzjoni tant ħarxa u li għadha ġġor stigma.
Il-vjola huwa l-kulur assoċjat mal-epilessija. Fil-fatt din is-sena, fi tmiem il-ġimgħa tas-Sibt, 12 ta’ Frar, il-Ħadd 13 ta’ Frar, u t-Tnejn 14 ta’ Frar, ħafna binjiet madwar Malta u Għawdex se jkunu mixgħula bil-vjola, il-kulur internazzjonali għall-għarfien dwar l-epilessija. Dawn il-binjiet jinkludu: il-Berġa ta’ Kastilja, Palazzo Castellania, Palazzo Ferreria, il-Kunsill Lokali Pembroke u l-uffiċċju tar-Reġjun Lvant, il-Kunsill Lokali Żurrieq, u l-Kunsill Lokali Għajnsielem. Il-Caritas Malta Epilessy Association hija grata ħafna għall-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, Regjun Lvant, Żurrieq u Għajnsielem.
Il-Caritas Malta Epilepsy Association (CMEA) twaqqfet fl-1996 u kienet irreġistrata bħala NGO fl-2017 u hija organizzazzjoni mija fil-mija volontarja. L-Assoċjazzjoni tipparteċipa wkoll bħala membru sħiħ u attiv tal-Uffiċċju Internazzjonali għall-Epilessija (IBE). Bħala parti mill-viżjoni tagħhom li jaħdmu lejn “ħajja aħjar għall-persuni b’epilessija” f’Malta, is-CMEA tipprovdi taħriġ b’xejn lil edukaturi, LSEs u skejjel, Aġenzija Sapport, uffiċjali tal-pulizija, ħaddiema soċjali, u professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu f’diversi setturi. Is-CMEA tipparteċipa wkoll fl-isforzi tal-midja lokali u internazzjonali ma’ diversi partijiet interessati biex tiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar u l-provvista ta’ kura tas-saħħa u servizzi soċjali aħjar għall-persuni kollha bl-epilessija u dawk li jieħdu ħsiebhom u l-familji tagħhom.