Claudio Grech Ħabbar Li Mhux Se Jkun Qed Jikkontesta L-Elezzjoni Ġenerali
Waqt l-attività politika tal-PN li għaddejja bħalissa fil-Belt Valletta, id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal li mhux se jkun qed jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej.
Huwa ħabbar dan waqt li kien qed jagħmel intervent fejn qal li huwa se jkun qed jieħu din id-deċiżjoni biex jagħti spazju lil uċuħ ġodda.
Claudio Grech qal: “Dan il-pass lura qed nagħmlu minn kandidat tal-PN, però fil-ħames ġimgħat li ġejjin se nkompli naħdem mal-Kap tal-PN biex inressqu l-aqwa programm ta’ politika li qatt ġie quddiem dan il-pajjiż biex jekk Alla jrid, bħal bieraħ ħames ġimgħat oħra, Bernard Grech ikun qed jieħu l-ġurament tiegħu bħala Prim Ministru tal-pajjiż.”
Bernard Grech b’reazzjoni għal dan qal li qed jilqa’ l-impenn ta’ Claudio lejn il-PN u lejn pajjiżna. Huwa qal li se jkun qiegħed ikompli jafdalu l-ħidma tal-programm elettorali bħala delegat speċjali tiegħu biex dan ikompli jitwassal u jkun diskuss man-nies.
L-irtirar ta’ Claudio Grech mill-elezzjoni ġenerali saret fl-istess jum li tliet Deputati oħra, Clyde Puli, Mario Galea u Kristy Debono ħabbru li irtiraw il-kandidatura tagħhom.