Didi: Il-Kelba Gwida Li Reġgħet Ġabitlu L-Ferħ U Tatu Ċ-Ċans Li Jkompli Jgħix Ħajtu

 Didi: Il-Kelba Gwida Li Reġgħet Ġabitlu L-Ferħ U Tatu Ċ-Ċans Li Jkompli Jgħix Ħajtu

​“Mingħajr Didi kont iżolat, iżda malli waslet erġajt sibt il-ferħ għax hi saret l-għajnejn il-ġodda tiegħi. Għenitni biex ma nieqaf nagħmel xejn u llum għadni nista’ mmur naħdem, insiefer u nkompli ngħix ħajti.” Hekk sostna s-Sur David Debattista, eks tabib li minħabba l-problemi viżwali tiegħu kellu jieqaf jipprattika u beda jwettaq ħidma oħra fix-xandir u l-volontarjat.

Is-Sur Debattista saħaq li matul iż-żmien beda jsofri minn problemi viżwali u li grazzi għall-kelba gwida Didi qed jirnexxilu jkompli jgħix ħajtu b’mod mill-aktar indipendenti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li din il-kelba gwida nxtrat mill-Gvern Malti u ġiet mogħtija lill-Malta Guide Dog Foundation biex titħarreġ u tkun tista’ tgħin lil persuna b’diżabilità.

Is-Sur Debattista rrakkonta kif minkejja dak li għadda minnu qatt ma ħallih jikkundizzjonah, u flimkien mal-kelb gwida li kellu qabel, irnexxielu jsiefer lejn aktar minn 22 pajjiż fejn ħadem għal għaqdiet mhux governattivi fl-Afrika, fl-Ażja u fl-Amerika ta’ Isfel.

Is-Sur Debattista qal li hu importanti li jkompli jinxtered l-għarfien dwar ix-xogħol ta’ kelb gwida u l-ħelsien li jipprovdi lil persuna nieqsa mid-dawl. Filwaqt li faħħar l-għarfien li hawn f’Malta dwar il-klieb gwida, is-Sur Debattista qal li hu importanti li jiġi rrikonoxxut l-investiment tal-Gvern Malti u tal-Malta Guide Dog Foundation li qegħdin jipprovdu l-ħelsien, l-aċċessibilità, il-ferħ u l-imħabba permezz ta’ dawn il-klieb gwida.

Il-kelba gwida Didi nxtrat permezz ta’ ftehim li l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat għamel mal-Malta Guide Dogs Foundation b’investiment ta’ €15,000.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li permezz ta’ dan l-investiment qegħdin nilħqu objettiv 10 tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità u Artiklu 27 tal-UN CRPD fejn qiegħda tingħata l-għajnuna biex aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u jkunu inklużi fil-komunità.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li l-klieb gwida huma ta’ għajnuna kbira għall-persuni bi problemi viżwali jew inkella li huma neqsin mid-dawl, peress li jgħinuhom jimxu b’mod sigur u jagħtuhom il-kunfidenza biex jgħixu l-ħajja ta’ kuljum b’mod indipendenti u fl-ambjent li huma mdorrijin fih.

Iċ-Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation, is-Sur Joe Stafrace, spjega li din il-Fondazzjoni tagħti appoġġ kbir lill-persuni bi sfidi assoċjati mal-viżta billi tipprovdilhom is-servizzi ta’ mobilità li jkollhom bżonn kif ukoll is-servizzi ta’ klieb gwida.

Dwar il-kelba Didi, is-Sur Stafrace spjega li il-Fondazzjoni se tkun qiegħda tipprovdi programm ta’ orjentazzjoni u programm ta’ mobilità, kemm għall-kelba kif ukoll għas-sid li se jingħata din il-kelba gwida.

Didi ġiet impurtata minn barra minn Malta. Meta kienet għadha żgħira, il-kelba ngħatat taħriġ dwar ubbidjenza filwaqt li meta kibret ġiet mgħallma tevita l-ostakli u tagħraf perikli għall-persuna li se tkun qiegħda tiggwida. Didi se tingħata lil persuna bi problemi viżwali.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com