€4 Miljuni F’Investiment Għall-Immodernizzar Tal-Iskola Primarja Tar-Rabat, Malta
L-iskola primarja tar-Rabat f’Malta qed tiġi riġenerata u msebbħa b’investiment ta’ €4 miljun, li permezz tiegħu l-iskola se tingħata dehra kompletament moderna filwaqt li jitneħħa għal kollox l-inkonvenjent li topera minn żewġ binjiet differenti.
“Qed nirriġeneraw is-settur edukattiv. L-investiment fil-qasam edukattiv huwa bla preċedent. Dan huwa proġett state-of-the-art li se jilqa’ madwar 400 student u studenta fis-sena skolastika li tibda minn Settembru 2023. B’hekk, l-istudenti ta’ din l-iskola se jkollhom l-aqwa ambjent fejn jistgħu jieħdu l-aqwa edukazzjoni possibbli. Aħna nemmnu li l-edukaturi u l-istudenti tagħna jixirqilhom l-aħjar ambjent minn fejn jgħaddu u jieħdu l-edukazzjoni tagħhom”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima meta żar ix-xogħol li qed isir.
Qal ukoll li dan qed isir biex indaħħlu lil dan is-settur fl-era tal-lum filwaqt li naraw li l-ambjent edukattiv ikun adattat biex ikollna edukazzjoni tassew kwalitattiva.
L-iskola primarja tar-Rabat, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Nikola, kienet qed topera minn żewġ binjiet differenti fl-istess lokalità. L-għanijiet ta’ dan il-proġett huma li l-iskola tibda topera minn binja waħda u jkunu offruti spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għal uliedna u għall-edukaturi fi skola waħda.
L-iskola l-ġdida, li takkomoda 400 tifel u tifla, se jkollha 33 klassi, fosthom klassijiet għal suġġetti speċifiċi bħall-arti, il-mużika u l-Personal, Social and Career Development (PSCD). Għaxar klassijiet se jkunu għal-livell ta’ kindergarten. L-iskola se jkollha wkoll gym fuq ġewwa, spazji rikreattivi fuq barra, multi-sensory room kif ukoll kċina industrijali u spazju fejn jieklu t-tfal li jattendu għall-Breakfast Club.
Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm u servizzi ta’ fire safety. L-iskola se jkollha wkoll għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim. Fil-binja se jkunu introdotti miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi u kif qed isir fl-iskejjel kollha ġodda u dawk li qed jiġu msebbħa.
Biex ix-xogħol li qed isir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada jsir b’ritmu mgħaġġel u ma jkunux ipperikolati t-tfal u l-edukaturi sakemm isir ix-xogħol, it-tagħlim se jingħata fl-iskola primarja l-oħra li diġà hemm fl-istess lokalità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Neville Young, spjega x-xogħol li qed isir f’żewġ fażijiet, l-ewwel fażi dik tal-kostruzzjoni u ristrutturar, u kif titlesta din il-fażi, it-tieni fażi twassal għall-ftuħ tal-iskola f’Settembru 2023.
Ritratti (DOI/MEDS)