Festa Ta’ Kuluri, Immaġinazzjoni U Kreattività Għall-Familja Kollha Ġewwa L-Esplora Matul Il-Vaganzi Tal-Karnival

 Festa Ta’ Kuluri, Immaġinazzjoni U Kreattività Għall-Familja Kollha Ġewwa L-Esplora Matul Il-Vaganzi Tal-Karnival

Il-Karnival, sinonimu ma’ karrijiet u kostumi mill-isbaħ, huwa okkażjoni fejn niċċelebraw il-kreattività li l-bniedem kapaċi joħloq.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jirrikjedu ħsieb, inġinerija, xogħol tal-idejn u immaġinazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru. Kif jista’ wieħed itejjeb il-ħila tiegħu biex ikun kreattiv u l-abiltà li jimmaġina u jsawwar affarijiet differenti? Dan kollu, kif japplika fl-istudju tax-xjenza?

Ġewwa l-Esplora f’dan iż-żmien tal-vaganzi, mis-26 ta’ Frar sat-2 ta’ Marzu mill-10:00 sas-18:00, ser niċċelebraw ix-xjenza u l-ħiliet li wieħed għandu jħaddan biex ikun kapaċi jwettaq dak li joħlom. Dawn il-kapaċitajiet wieħed irid iħaddanhom minn età żgħira, u huwa għalhekk li qed noffru bosta attivitajiet minn fejn tistgħu tagħżlu għal kull età u gosti. Il-kurżità u l-abiltà li tistaqsi mistoqsijiet fuq x’qiegħed jiġri huma kruċjali – sir af aktar fix-xow ‘Colours Everywhere’. Din hija attività adattata għall tfal minn 5 snin ’il fuq fejn bl-użu ta’ kimiċi noħolqu lwien diversi. Ejja u skopri inti wkoll x’jintuża fil-laboratorju u kif dan jista’ jintuża mill-kmamar tan-nar biex jimlew is-sema b’ilwien li jsaħħru waqt xi ċelebrazzjoni.

Il-ħila li ma taqtax qalbek meta ssib xi ostaklu jew meta jkollok bżonn issolvi xi problema hija fundamentali fil-ħajja. L-ebda spettaklu ma jseħħ mingħajr x’intopp u l-istess fix-xogħol ta’ xjentist fejn kultant l-affarijiet iktar ma jaħdmux milli jaħdmu! Imma kemm hu iktar ta’ sodisfazzjon meta fl-aħħar jirnexxilek.

Għinu lil uliedkom iseddqu dawn il-kapaċitajiet tagħhom li jaħsbu b’mod kreattiv u li ma jaqtgħux qalbhom fil-workshop ‘Family Tinkering’. Attività kreattiva adattata għal min għandu aktar minn 5 snin li fiha bħala familja taħdmu flimkien biex issawru għadd ta’ ġugarelli li wieħed jista’ jieħu d-dar.

Ma jonqosx ukoll li niċċelebraw il-ħafna setgħat li għandhom diversi supereroj li dejjem ikunu sors t’ispirazzjoni għal ħafna mill-kostumi tal-karnival. Skopri iktar fil-wirja ‘Superhero in You’. Attività adattata għal dawk li għandhom minn 3 sa 6 snin fejn wieħed ser jiskopri l-vantaġġi li xxjenza tagħtina u l-kapaċità li nkunu supereroj fil-ħajja ta’ kuljum billi nagħmlu affarijiet li ma jitwemnux.

Ejjew l-Esplora għal ċans biex flimkien ma’ wliedkom, familjari u ħbiebkom issawru memorji sbieħ f’atmosfera mill-isbaħ ġewwa ċ-Ċentru tax-Xjenza fil-Kalkara. ​

​Wieħed jista’ jixtri l-biljetti għal dawn il-ġranet tal-Karnival fl-Esplora minn fuq is-sit https://esplora.org.mt/karnival-fl-esplora/?lang=mt , jew mir-reception. Qabel iżżuruna nħeġġukom taqraw l-informazzjoni relatata mal-miżuri tal-Covid-19 li tinstab fl-istess ħolqa.

Nittamaw li narawkom dalwaqt!

(Dan l-artiklu nkiteb minn Sarah, Education Programme & Content Developer ġewwa Esplora Interactive Science Centre.)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com