Fil-Ġermanja: Miljunarju Ċek Qed Ikun Akkużat Li Saq Karozza B’417-il Kilometru Fis-Siegħa
Il-prosekuturi Ġermaniżi qed jinvestigaw miljunarju mir-Repubblika Ċeka li allegatament inqabad isuq il-karozza lussuża tiegħu b’417-il kilometru fis-siegħa.
Radim Passer huwa akkużat li kien qed itellaq b’mod illegali fl-awtostrada A2 bejn Berlin u Hannover f’Lulju tal-2021.
Is-sewwieq tal-vettura Bugatti Chiron, fil-bidu ta’ din is-sena nqabad wara li ħareġ filmat isuq din il-karozza b’veloċità qawwija fuq YouTube.
Il-miljunarju ta’ 58 sena saq il-karozza “b’veloċità għolja ħafna, mingħajr ma tqiesu r-regoli tat-traffiku u b’mod traskurat sabiex tintlaħaq il-veloċità massima possibbli,” qalu l-prosekuturi.
Ir-raġel qed jiffaċċja sentenza ta’ sentejn ħabs jew multa sinifikanti jekk jinstab ħati.