Fl-2021 Il-Linja 112 Irċeviet Total Ta’ 340,410 Telefonati – 83,434 Biss Minnhom Kienu Vera Każ Ta’ Emerġenza
Fil-jum iddedikat għan-numru tal-emerġenza 112, l-entitajiet tal-forzi tal-ordni kif ukoll dawk tas-servizz tal-emerġenza ltaqgħu biex joħolqu aktar għarfien dwar l-użu responsabbli ta’ dan in-numru.
F’attività fl-iskola primarja ta’ Ħaż-Żabbar, li għaliha attendew il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Minisru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima, tfal ta’ etajiet differenti setgħu josservaw ix-xogħol li jsir meta xi ħadd iċempel għall-għajnuna fuq in-numru 112.
Il-Ministru Camilleri tkellem dwar l-importanza li dan in-numru jintuża b’mod responsabbli, għaliex dik it-telefonata taf tfisser ħajja jew mewt. Fis-sena 2021, il-kamra tal-kontroll tal-112 irċeviet total ta’ 340,410 telefonati, madankollu kien hemm aktar minn 260,213-il telefonata li mhux suppost saru fuq in-numru 112 hekk kif kienu telefonati ta’ abbuż jew inkella każijiet li ma kellhomx relevanza.
Dan ifisser li fost it-telefonati kollha li saru kienu biss 83,434 minnhom li kienu każijiet ta’ emerġenza vera, b’maġġoranza (77%) li ġew mogħdija lis-servizz tal-ambulanza hekk kif l-emerġenza kienet waħda medika, filwaqt li 11.1% marru għand il-pulizija u ftit inqas minn 10% marru għand il-Protezzjoni Ċivili. Kien hemm ċirkostanzi fejn intalbet ukoll l-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega kif qed isir investiment kontinwu sabiex il-forzi tal-ordni jwieġbu għas-sejħiet b’mod iktar effettiv. Fil-fatt, kull telefonata tiġi mwieġba f’medja ta’ erba’ sekondi, għaldaqstant huwa appella lill-pubbliku biex juża l-112 b’mod responsabbli.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li l-edukazzjoni li tiġi mgħallma fl-iskejjel tkun waħda sħiħa sabiex tassew tkun ta’ benefiċċju għal uliedna. Meta tkellem mat-tfal, huwa spjega li, “It-tagħlim li tieħdu fl-iskejjel mhux qiegħed hemm biss biex tgħaddu mill-eżamijiet, li huwa importanti, imma wkoll biex titilgħu bħala ċittadini responsabbli. Għalhekk l-attivitajiet tal-lum, biex titgħallmu l-użu tajjeb tan-numru tal-emerġenza 112. Imma wkoll biex taraw ix-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema, u meta jasal iż-żmien, titħajjru taqbdu karriera li tagħtikom sodisfazzjon u permezz tagħha tagħmlu ħafna ġid”.
Ritratti: DOI