Franco Debono Jikkonferma Li Mhux Se Jikkontesta F’Din L-Elezzjoni Ġenerali, Però Ma Jeskludix Li Jipparteċipa B’Mod Attiv Fil-PN Fil-Futur

 Franco Debono Jikkonferma Li Mhux Se Jikkontesta F’Din L-Elezzjoni Ġenerali, Però Ma Jeskludix Li Jipparteċipa B’Mod Attiv Fil-PN Fil-Futur

L-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono, dalgħodu kkonferma li mhuwiex se jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Huwa qal dan f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu, fejn qal li d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni ftit ġranet ilu li ma jeskludix kandidatura tiegħu mal-PN fl-elezzjoni li ġejja ġabet ħafna reazzjonijiet pożittivi, u turija t’appoġġ konsiderevoli u sostanzjali kemm pubbliku, kemm privat, kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll distrettwali.

“Għalija dik d-dikjarazzjoni kienet sorpriża sabiħa u nirringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni,” tenna Debono.

Huwa qal li mhux l-istil tiegħu li jgħaġġel fid-dikjarazzjonijiet u allura “wara diversi jiem ta’ riflessjoni nħoss li għandi neskludi tali possibilità’ fiċ-ċirkostanzi preżenti. Ma nħossx li huwa l-mument li nagħmel dan l-pass,” kompla jgħid Franco Debono.

Huwa spjega li qed jagħmel din d-dikjarazzjoni b’rispett totali lejn dawk l-ħafna persuni li fl-aħħar jiem ikkomunikaw miegħu biex iħeġġuh jikkontesta u wegħduh appoġġ sħiħ. “Sinċerament kont sorpriż bil-mewġa ta’ sapport,” kompla Debono.

Huwa sellem lill-Kap tal-Oppożizzjoni u rringrazzjah u awguralu kull suċċess, filwaqt li temm jgħid li jistax jeskludi li fil-futur jipparteċipa b’mod aktar attiv fil-PN.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com