Ftehim Biex Aktar Vittmi Tal-Kriminalità Jkunu Assistiti
Iffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Victim Support Agency u l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society li se jwassal biex aktar vittmi tal-kriminalità jiġu assistiti. Il-ftehim se jwassal għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u aktar għarfien dwar is-servizzi ta’ appoġġ li huma disponibbli għall-vittmi tal-kriminalità. L-MOU se jara li l-assistenza tingħata b’mod aktar effiċjenti, hekk kif twaqqfet sistema ta’ riferiment fejn persuni li jkunu tkellmu mal-fondazzjoni u li jkunu eliġibbli għas-servizz tal-aġenzija jingħataw l-għajnuna mingħajr ebda dewmien.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif l-aġenzija qed tkompli tieħu inizjattivi li jsaħħu s-servizzi li tipprovdi lill-komunità. Huwa qal kif din l-aġenzija trid taħdem fil-qrib mal-għaqdiet mhux governattivi u aġenziji oħrajn tal-gvern li diġà joffru servizzi importanti. “Wegħedna li rridu npoġġu bħala prijorità l-vittmi tal-kriminalità u dawk qrib tagħhom, għalhekk sodisfatt li l-aġenzija qed tkompli ssaħħaħ is-servizzi tagħha biex nassiguraw li ngħinu lil kull min jinsab fil-bżonn.
Matul Jannar ġew riferuti aktar minn 116-il każ ġdid għand il-Victim Support Agency, u jinkludu persuni li jkollhom bżonn appoġġ emozzjonali, gwida fuq id-drittijiet tagħhom kif ukoll pariri legali mit-tim ta’ professjonisti. Dan juri biċ-ċar kemm kien hemm ħtieġa li titwaqqaf din l-aġenzija,” qal il-Ministru Camilleri.
Iċ-Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society Marie-Louise Coleiro Preca qalet li, “Huwa ta’ sodisfazzjon li l-Victim Support Agency qed tfittex kollaborazzjoni ma’ diversità ta’ entitajiet li jaħdmu ma’ komunitajiet diversi. L-MOU ffirmat mal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society se jagħti aktar skop u attenzjoni lejn tfal u żgħażagħ li jeħtieġu l-appoġġ psikosoċjali sabiex jegħlbu trawmiet ġejjin minn diversità ta’ atti kriminali jew mhux leċiti.”
Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija s-Sur Brian Farrugia kif ukoll is-Sa Marie-Louise Coleiro Preca bħala Chairperson tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society.