“Għamluli Ħajti Infern…Ħassejt Li Kelli Nitlaq” – Mario Galea Jitkellem Dwar L-Irtirar Tal-Kandidatura Tiegħu
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea ċaħad li kien hemm xi tip ta’ kunsens biex jirtira l-kandidatura tiegħu.
“Għamluli ħajti infern,” saħaq Mario Galea f’kummenti ma’ MaltaToday dalgħodu.
Huwa kien qed jitkellem dwar kif fl-ewwel ġurnata tal-kampanja elettorali erba’ Deputati irtiraw il-kandidatura tagħhom mill-elezzjoni ġenerali.
Ilbieraħ flimkien ma’ Mario Galea, irtiraw ukoll Clyde Puli u Kristy Debono. Iktar tard filgħaxija waqt l-attività politika fil-Belt Valletta Claudio Grech waqt l-intervent li kien qed jagħmel ħabbar ukoll li se jkun qed jirtira l-kandidatura tiegħu wkoll. Huwa qal li se jkun qed jieħu din id-deċiżjoni biex jagħti spazju lil uċuħ ġodda.
“Kelli l-kampanja diġà ppreparata, fil-fatt kont diġà ħadt ir-ritratti u bdejt il-home visits fid-distrett,” kompla jgħid Mario Galea. Qal ukoll li riċentement Bernard Grech kien staqsih jekk hux qed jagħmel home visits, kif ukoll il-Ħadd filgħaxija kien ikkuntattjat mid-Dar Ċentrali biex jattendi għal-konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu.
Mario Galea qal li għamlulu ħajtu infern. “Persuni viċin it-tmexxija saħansitra kienu jsemmuli s-saħħa mentali tiegħi.”
Temm jgħid li ħa d-deċiżjoni tiegħu għaliex ħass li ż-żejjed kien kollu żejjed, “ħassejt li kelli nitlaq.”