Għandek Ċans Sat-12 Ta’ Marzu Biex Tiċċekkja D-Dettalji Tiegħek Fuq Ir-Reġistru Elettorali
Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadu kif ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta’ Frar, 2022, ir-Reġistru Elettorali rivedut li fuqu hija bbażata l-Elezzjoni Ġenerali li se ssir fis-26 ta’ Marzu, 2022. Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), sad-data tal-għeluq, l-20 ta’ Frar, 2022, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru, u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, għandu, skont l-artikoli 39 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali, sa nhar is-Sibt, 12 ta’ Marzu, 2022, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali.
Kull votant reġistrat li;
- Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
- Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru;
jista’ wkoll, skont l-artikoli 40 u 42 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, jagħmel appell għal dan l-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar is-Sibt, 12 ta’ Marzu, 2022.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot fl-Elezzjoni Ġenerali li se ssir nhar is-Sibt, 26 ta’ Marzu, 2022.
Ir-Reġistru tal-Elezzjoni Ġenerali huwa disponibbli fl-Uffiċċju Elettorali. Wieħed jista’ jara wkoll jekk hux reġistrat bħala votant f’dan ir-reġistru billi jidħol online fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħżel il-buttuna “Nista’ nivvota?”