Għat-Tieni Sena Se Jingħata Internet B’Xejn Lill-Istudenti Li Jkomplu Immedjatament Wara Year 11 Fl-Istudji Postsekondarji
B’investiment ta’ €1,000,000, aktar minn 3,300 student u studenta se jgawdu minn internet b’xejn għal sena. Din il-miżura se jgawdu minnha l-istudenti li huma eliġibbli għal stipendju, tal-iskejjel tal-Gvern, dawk indipendenti u tal-Knisja, Junior College u MCAST, li jkomplu immedjatament wara Year 11 (Form 5) u li qegħdin fl-ewwel sena fl-istudji postsekondarji tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri.
L-għajnuna se tingħata f’forma ta’ vawċers li se jibdew jitqassmu b’mod elettroniku mil-lum stess u li jistgħu jibdew jissarrfu minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Frar u huma validi sal-15 ta’ Lulju 2022. Il-Ministri saħqu li meta wieħed jikkunsidra wkoll l-inizjattiva tas-sena li għaddiet, ifisser li f’din il-leġiżlatura l-Gvern investa maż-€2 miljun u laħaq aktar minn 6,400 student li jfisser li laħaq 6,400 familja.
L-istudenti se jirċievu l-voucher ta’ €300 għal internet b’xejn permezz ta’ email. Dan għandhom jieħduh biex jissarraf għand wieħed mill-ħwienet ewlenin tal-internet service providers. B’dan il-voucher, ikunu jistgħu jixtru l-internet mingħand is-service providers li jissarrfu għandhom, u immedjatament il-flus ta’ dan il-voucher jingħadda għand is-service provider b’mod immedjat permezz tas-sistema li tfasslet mill-MIMCOL. Kull student jista’ jagħżel kwalunkwe skema tal-internet offruta għal dan il-valur tal-voucher. Il-voucher tal-internet b’xejn jista’ jintuża biex jiġi ttoppjat kont attiv tal-internet li l-istudent diġà għandu.
Ritratt: DOI