“Gvern Laburista Kommess Li R-Rata Ta’ Tkabbir Ekonomiku F’Għawdex Ser Tibqa’ Tiżboq R-Rati Rreġistrati Għal Malta” – Il-PM Robert Abela
Gvern Laburista kommess li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Għawdex ser tibqa’ tiżboq r-rati rreġistrati għal Malta
“Għandna pjanijiet kbar u importanti għal Għawdex. Irridu nibnu fuq dak li għamilna fl-aħħar snin. Investejna ħafna f’din il-gżira u fadal x’nagħmlu. Jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja, inwiegħed li r-rata tat-tkabbir ekonomiku f’din il-gżira ser tibqa’ tiżboq r-rati rreġistrati għal Malta. Bħala Gvern nagħtu numru ta’ inċentivi lin-negozji. Għan-negozji f’Għawdex, dawn l-inċentivi se jkunu b’10% iżjed mill-istess inċentivi li jingħataw lin-negozji stabbiliti f’Malta.”
Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela lbieraħ waqt intervista minn Dr Sharon Calleja fir-Rabat, Għawdex.
Dr Abela ħabbar ukoll li din il-ġimgħa pajjiżna rreġistra l-anqas rata ta’ qgħad li qatt kellna fl-istorja. Dan jfisser li rreġistrajna rekord ta’ xogħol.
Għall-mistoqsijiet ta’ Dr Sharon Calleja dwar proġetti ambjentali f’Għawdex, Dr Abela sostna li kien hemm diġa dawn it-tip ta’ proġetti u żgur ser jerġa jkun hemm. Kompla li propju f’Għawdex tajna xhieda ta’ kemm l-ambjent huwa prijorità ewlenija f’pajjiżna meta ilbieraħ ġie inawgurat l-proġett tal-Qortin, li minn miżbla illum ġie kkonvertit għal 50,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ sabiex jitgawda mill-familji.
“Aħna nemmnu li prijorità ġdida ta’ dan il-pajjiż huwa li l-familji tagħna jkollhom biżżejjed ħin biex igawdu l-ħin liberu tagħhom. Determinati li l-proġett b’saħħtu li ħabbarna ta’ €700M se jiddefinixxi l-kredenzjali ambjentali ta’ dan il-Gvern u determinati li nwettquh. Għawdex ukoll ser jgawdi minn dan l-investiment għax nemmnu li hemm bżonn iżjed natura. Gżira ġojjel li rridu nkomplu nsebbħuha. Biex naspiraw li naslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar, l-iżvilupp ekonomiku rridu nibbilanċjawh bi żvilupp ambjentali li jwassal għal kwalità ta’ arja aħjar, aktar spazji miftuħa u ġonna,” sostna Dr Abela.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-parkeġġ li jinsab fir-Rabat Għawdex ser jinbidel fi ġnien u spazju miftuħ li ser jinkorpora fih il-ground tal-futbol u multi-level car park taħt l-art. Dwar is-servizz tal-fast ferry li ffranka tant ħin fi vjaġġar għall-Għawdxin Dr Abela tenna li dan is-servizz ġie implimentat u ser ikompli jiġi sostnut aktar.
Dr Abela kkonkluda li “Ħdimna ħafna u ser inkomplu naħdmu iżjed. Għawdex ser jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Għawdex u Malta flimkien, il-futur sabiħ.”