Gvern Nazzjonalista Se Jkun Qed Inaqqas Ir-Rata Tal-VAT Għal 7% Lill-Istabbilimenti Tal-Ikel U X-Xorb
“Irridu ninċentivaw l-industrija tat-turiżmu sabiex inkomplu nsaħħu dan il-qasam tant kruċjali għal pajjiżna, prinċiparjament billi nagħtu spinta kbira lill-istabbilimnenti tal-ikel u x-xorb bi tnaqqis fir-rata tal-VAT.”
Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività indirizzata minn taħt it-tinda ġewwa l-Mellieħa lbieraħ filgħaxija.
Dr Bernard Grech saħaq li l-Industrija tat-turiżmu se tkun qed tgawdi wkoll minn spinta, “grazzi għat-tnaqqis fir-rata tal-VAT għal 7% lil dawk l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb; stabbilimenti tant kruċjali għal din l-industrija.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech żgura wkoll li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jaħdem biex mis-sajf li ġej il-festi jkunu ċċelebrati kif nafuhom u kif kienu jiġu ċċelebrati sa sentejn ilu, għaliex minbarra li huma parti mill-patrimonju tagħna, huma wkoll għandhom sehem kruċjali għas-suċċess tal-industrija tat-Turiżmu.
Huwa żied jgħid li din l-industrija tiddependi wkoll fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, “u huwa għalhekk li l-pajjiż jeħtieġ li jerġa’ jikseb mill-ġdid postu fuq il-lista l-bajda, għall-ġid ta’ din l-industrija daqskemm għall-industriji l-oħra kollha li pajjiżna jiddependi minnhom sabiex niżguraw kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd.”
Il-Kap tal-PN ħabbar ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq spazji organizzati u mantenuti għall-camping bil-faċilitajiet meħtieġa: dawl, ilma, iġjene, faċilitajiet tat-tisjir u l-bqija.
“Huwa proprju għalhekk li l-PN qiegħed iniedi dawn il-proposti li jkomplu jixprunaw lil dan is-settur li fuqu pajjiżna tant jiddependi,” temm jgħid Bernard Grech.