“Hemm Salib Lest Għalija Biex Nissallab Rasi L-Isfel…Għandi X-Xitan Ġo Fija” – Jixhed Il-Psikjatra
Dalgħodu quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Abner Aquilina ta’ 20 sena miż-Żejtun li jinsab mixli bil-qtil u l-istupru ta’ Paulina Dembska.
F’awla mimlija nies il-Maġistrat għamlet dikjarazzjoni fejn qalet li lbieraħ fit-3:00pm, ġiet infurmata mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li Aquilina ma setax jittella’ għal din is-seduta. Dan minħabba l-fatt li kellu jittieħed l-Isptar Monte Carmeli.
Il-Maġistrat Farrugia talbet lit-tmexxija tal-ħabs biex tixhed dwar dan u jkun preżentat ċertifikat.
Il-Psikjatra tal-ħabs u tat-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli, Joseph Saliba xehed li jumejn ilu Aquilina beda juri sinjali li l-kundizzjoni mentali tiegħu sejra għall-agħar u beda iġib ruħu b’mod stramb. Intqal kif l-imputat qaxxar xaru kollha, beda jirrifjuta l-mediċina tiegħu u beda jgħid li hemm xitan ġo fih.
Dr Saliba qal li Aquilina beda jiddeskrivi dettalji grafiċi tal-affarijiet li ġraw bejnu u Dembska. “Hu qal li kien hemm salib lest għalih biex jissallab rasu l’isfel u li ma kienx hemm tama għalih,” kompla jgħid it-tabib.
Il-Psikjatra xehed li Abner Aquilina ttieħed l-Isptar Monte Carmeli u tlibbes ħwejjeġ apposta biex ma jagħmilx ħsara lilu nnifsu. Hu iżda neża kollox u tefa’ kollox fit-toilet, tant li mblukkah u għarraq il-kamra. Dan wassal biex Aquilina ġie njettat tliet darbiet b’xi kalmanti.
It-tabib qal li rah dalgħodu u sabu kompletament għarwien bil-parti tiegħu f’idejh u beda u jordnalhom biex jinżlu għarkuptejhom, inkella “se jeqridhom.”
Il-Prosekuzzjoni saqsiet lill-psikjatra jekk jarahiex stramba li Aquilina wriex dawn is-sinjali ftit jiem biss qabel kellu jidher il-Qorti, u dan wieġeb li huwa għamel id-deċiżjoni li ma jattendix is-seduta, hekk kif huwa ta’ periklu għall-persuni ta’ madwaru.
L-Avukat Stefano Filletti, li qed jidher għall-familja ta’ Dembska, qal li għall-ewwel, Aquilina wieġeb id-domandi tal-Pulizija. Qal li huwa stramb li jumejn qabel kellu jittella’ l-Qorti. reġa’ għamel “dawn ix-xenati.”
Il-Prosekuzzjoni saqsiet ukoll x’qal Aquilina fil-konfront ta’ Dembska, u l-psikjatra qal li Aquilina beda jiffanfra b’dak li għamel lill-vittma u juża kliem oxxen. Hawnhekk, Dr. Filletti sostniet li dan m’għandux jiġi diskuss fil-Qorti, hekk kif jekk il-psikjatra jgħid dawn id-dettalji, id-difiża se tkun qed tinforma lill-imputat sabiex dan ma jitkellem ma’ ħadd.
Dr. Filletti qal li għandu jiġi stabbilit jekk din hijiex messa in scena, minħabba li fi kliemu Abner huwa “persuna diżubbidjenti u mhux miġnun.”
Il-Prosekuzzjoni sostniet li din il-kawża għandha tkompli bla intoppi, u li l-akkużat għandu jidher fil-Qorti. Intqal li għada fil-Polonja se jseħħ il-funeral ta’ Dembska, u li dan il-każ għandu jsir b’mod korrett sabiex il-familja ta’ Dembska tara l-ġustizzja sseħħ.
L-Avukat Filletti saħaq li jekk Abner jerġa’ jkollu jiddaħħal l-Isptar Monte Carmeli, għandu jinħatar psikjatra mill-Qorti li jiddikjara jekk Aquilina huwiex stabbli biex jgħaddi l-proċeduri jew le.
Il-Maġistrat issospendiet is-seduta, sabiex tieħu d-deċiżjoni f’dan ir-rigward.