Identità Malta B’Aktar Servizzi Fil-Komunità

 Identità Malta B’Aktar Servizzi Fil-Komunità

L-Aġenzija Identità Malta aktar ma jmur, aktar qed toffri servizzi li jmorru lil hinn mill-uffiċċji tagħha u twassalhom fil-kumdità tad-djar tan-nies. Minkejja li fl-aħħar snin l-uffiċini ta’ Identità Malta mxew għal binjiet aktar moderni, l-aġenzija żiedet l-għażla ta’ servizzi offruti online u żiedet il-preżenza tagħha fil-komunitajiet.

Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ servizz.gov, klijenti li ma jistgħux jagħmlu ordni ta’ ċertifikati online, jistgħu jinqdew billi jirrikorru f’wieħed mit-22 ċentru reġjonali ta’ servizz.gov mxerrda madwar Malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta, il-Kurunell Mark Mallia, spjega li l-aġenzija tagħraf kemm huwa importanti li l-pubbliku jinqeda bl-aktar mod effiċjenti. Illum, wieħed jista’ jinqeda online, minn wieħed mill-uffiċini tal-aġenzija, jew inkella minn wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.

Il-Kurunell Mallia fakkar li tista’ tinnotifika t-twelid jew il-mewt ta’ persuna online jew saħansitra tordna ċertifikat tat-twelid, mewt jew żwieġ online u tagħżel li jasal għandek bil-posta. Innota li r-rispons għas-servizzi mogħtija online kien wieħed pożittiv, tant li 60% taċ-ċertifikati ordnati s-sena l-oħra, jiġifieri madwar 40,000 ċertifikat, saru online permezz tas-sit ċertifikati.gov.mt.

Minkejja dan, Identità Malta hija konxja li hemm persuni li m’għandhomx l-għarfien jew l-aċċess diġitali, jew inkella jippreferu li jinqdew wiċċ imb’wiċċ. Għaldaqstant min jixtieq jordna ċertifikat tat-twelid, mewt jew żwieġ jista’ jżur l-uffiċċju l-ġdid tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa jew iżur wieħed mit-22 ċentru ta’ servizz.gov, mifruxin madwar Malta.

Permezz tal-kollaborazzjoni bejn Identità Malta u servizz.gov, is-sena l-oħra nqdew 8,400 persuna minn dawn iċ-ċentri u mas-600 persuna oħra x-xahar li għadda waħdu.

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta nnota wkoll żieda fin-notifikazzjonijiet li saru fil-fergħa ta’ Mater Dei. Matul is-sena li għaddiet, 90% (3,750) tat-twelid u 62% (2,304) tal-imwiet f’Malta ġew notifikati f’dan l-uffiċċju.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov Massimo Vella faħħar il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, u tenna li l-għan aħħari dejjem jibqa’ li aktar servizzi jitwasslu għand il-pubbliku bl-aktar mod effiċjenti.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, kien preżenti waqt żjara li saret fl-uffiċċji ta’ Identità Malta fil-Marsa. “Flimkien ma’ servizz.gov qed nilħqu aktar nies fil-lokalitajiet u niffrankawlhom l-iskariġġ li jmorru barra mil-lokalità tagħhom biex jinqdew. Fix-xhur li ġejjin l-aġenzija se tkompli tibni fuq dawn il-kollaborazzjonijiet biex inkomplu niżguraw li l-aħjar servizz jingħata bl-inqas skariġġ possibbli”, ikkonkluda s-segretarju parlamentari.

Ritratti (MHSE_PS)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com