Iffirmat Ftehim Ġdid Dwar L-Ispiżerija Tal-Għażla Tiegħek
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar l-iffirmar ta’ ftehim ġdid mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji u mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Ispiżjara, dwar l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jew kif inhi magħrufa, POYC, ilha fis-seħħ 14-il sena, b’numru ta’ klijenti li jagħmlu użu minnha dejjem jiżdied tant li llum ilaħħaq mal-150,000 klijent regolari, b’223 spiżerija fil-komunità msieħba fil-POYC. Dawn l-ispiżeriji bejniethom iqassmu mal-€34 miljun f’mediċini fis-sena.
“Is-suċċess tal-POYC huwa evidenti u fl-aħħar snin is-suċċess kiber, filwaqt li l-problema tal-mediċini out of stock ġiet solvuta. Dan huwa frott l-impenn tad-Dipartiment tal-POYC innifsu u s-CPSU, iżda wkoll tal-impenn tal-ispiżjara fl-ispiżeriji fil-komunità,” qal id-deputat prim ministru.
Is-servizz aġġornat tal-POYC se jara lill-ispiżjara jagħmlu review tal-pazjenti li qegħdin fis-sistema ta’ POYC sabiex b’mod uffiċjali jsegwu kif ikun qed jimxi t-trattament. Dan il-ftehim il-ġdid ifisser ukoll li l-ispiżeriji li jkun imisshom jiftħu fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi jiftħu wkoll waranofsinhar.
Ritratt: DOI