Il-Buskett Se Jkollu Ċentru Ġdid Ta’ Informazzjoni Għall-Viżitaturi

 Il-Buskett Se Jkollu Ċentru Ġdid Ta’ Informazzjoni Għall-Viżitaturi

Il-Ministru Aaron Farrugia ħabbar ċentru ġdid għall-viżitaturi, għall-familji u għal dawk kollha li jżuru l-ġonna tal-Buskett.

Ambjent Malta se tkun qed tibda x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, ta’ kostruzzjoni u t-tlestija ta’ dan iċ-ċentru tal-viżitaturi.

Ladarba jitlesta, dan iċ-ċentru tal-viżitaturi se jservi bħala hub minn fejn tingħata informazzjoni dwar il-Buskett kif ukoll dwar il-flora u l-fawna li tinsab f’din iż-żona. Dan iċ-ċentru se jkun mgħammar b’faċilitajiet sanitarji, b’CCTVs u b’sistema ta’ sigurtà.

Il-Ministru spjega li matul dan iż-żmien tas-sena, l-uffiċjali ta’ Ambjent Malta qed jaħdmu fuq diversi interventi bħal żbir fuq għadd ta’ siġar. Din il-proċedura ssir biex tippromwovi t-tkabbir tas-saħħa billi tneħħi friegħi mejta u li qed imutu. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet jinkludu wkoll xogħol ta’ rutina, bħal tindif u qtugħ tal-ħaxix. Ambjent Malta bdiet ukoll tinstalla tabelli ġodda fil-Buskett li se jipprovdu direzzjoni lill-viżitaturi. L-istima ta’ investiment għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, ta’ kostruzzjoni u għat-tlestija taċ-ċentru tal-viżitaturi hija ta’ €244,000.

Il-Ministru Farrugia qal li għaddejjin ukoll xogħlijiet fuq il-Grotta tal-Buskett, li hija patrimonju fil-Buskett li ħallewlna l-Gran Mastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Matul is-snin, sfortunatament, ġarrbet ħsarat strutturali u għalhekk Ambjent Malta qed taħdem biex tirrestawra din l-istruttura permezz ta’ investiment ta’ €323,000.

Il-Buskett għandu status ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) u Żona ta’ Protezzjoni Speċjali (SPA), u hu żona popolari kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin, partikolarment fix-xitwa. Il-Buskett, u ż-żona ta’ madwaru, huma importanti wkoll għall-tajr tal-priża, li ħafna minnhom huma ta’ importanza internazzjonali. Dan ippermetta li ż-żona tirċievi titlu kemm bħala SAC kif ukoll bħala SPA. Fiż-żona jinsab ukoll għar, l-Għar tal-Inkwiżitur. 61% tal-SAC, jew 149 Ha, jikkonsisti f’art agrikola, li l-biċċa l-kbira tagħha hija msaqqija.​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com