Il-Ġużeppini Tar-Rabat Iddeċidew Li Jmexxu L-Festa Esterna Għal Mejju

 Il-Ġużeppini Tar-Rabat Iddeċidew Li Jmexxu L-Festa Esterna Għal Mejju

Il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat se tkun qed tiġi ċċelebrata darbtejn, b’festa interna fil-Knisja f’Marzu u festa esterna fl-ewwel ġimgħa ta’ Mejju.

Dan kien maqbul waqt Konsulta Ġenerali Straordinarja li saret mill-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam A.D.1860 u l-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu tar-Rabat.

Waqt din il-laqgħa ġie diskuss u kien hemm qbil b’mod unanimu li, il-Festa ta’ San Ġużepp tad-19 ta’ Marzu 2022 issir bil-mod solenni kollu tagħha, biċ-ċelebrazzjonijiet interni tal-festa isiru b’mod komplut kif dejjem sar.

Fi stqarrija huma qali li l-funzjonijiet fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu` tar-Rabat se jsiru bejn it-12 u d-19 ta’ Marzu, li jinkludu fost oħrajn tlitt ijiem ta’ tridu, iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi ta’ lejliet il-festa u dawk li jsiru nhar is-Solennita` ta’ San Ġużepp.

Fid-dawl tal-protokolli tas-saħħa li jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, il-festi esterni ma jistgħux ikunu ċelebrati. Għalhekk intlaħaq qbil li bejn l-1 u t-8 ta’ Mejju 2022, issir festa kompluta bis-sehem tal-baned, nar u dak kollu li jagħmel festa Maltija.

Il-festi se jiftħu il-Ħadd l-1 ta’ Mejju bil-ħruġ tal-istatwa fil-Knisja. L-Erbgħa 4 ta’ Mejju jibda tridu ta’ tlitt ijiem, is-Sibt 7 ta’ Mejju ssir ċelebrazzjoni ta’ lejliet il-festa , il-qofol jintlaħaq nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju 2022 fejn filgħaxija issir il-purċissjoni bl-istatwa devota ta’ San Ġużepp madwar it-toroq tar-Rabat .

Aktar dettalji tal-programmi kemm ta’ Marzu u kemm ta’ Mejju se jkunu qed jitħabbru iktar ‘il quddiem, wara li dan kollu jkun approvat mill-Awtoritajiet Ċivili.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com