“Il-Gvern Għandu Jippublika Kemm Nefaq Għal Malta Film Awards” – Il-PN
“Wara li assistejna għall-organizzazzjoni tal-Malta Film Awards, kulħadd seta’ josserva industrija tal-films li tinsab tixxennaq għal iktar investiment minn Gvern li evidentement jinsab maqtugħ mir-realtà.” Dan qalu l-Kelliem għall-Gvern Lokali, Wirt Nazzjonali u Żgħażagħ, u kandidat għall-elezzjoni Ġenerali Karl Gouder.
Karl Gouder spjega kif fil-ġranet li għaddew il-Partit Nazzjonalista kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ dawk li jaħdmu fl-industrija u ma’ artisti urtati b’dak illi ġara, hekk kif rapporti li ma ġewx miċħuda jgħidu kif is-somma minfuqa tlaħħaq €2 miljun. Huwa spjega kif tressqu mistoqsijiet parlamentari sabiex jingħata rendikont ta’ kemm sewa l-avveniment. “Fil-fatt, l-aktar li urta lil dawk involuti fis-settur huwa li l-industrija għandha bżonn ħafna iktar investiment li qed jibqa’ ma jingħatax. Hija industrija li tista’ trendi lill-pajjiż ħafna iżjed minn dak li qed trendilu bħalissa, diment li tingħata l-fondi li għandha bżonn.”
Karl Gouder kompla jispjega kif l-industrija tal-films tinsab tixxennaq għall-fondi, hekk kif għadhom kif intremew bosta flus għal avveniment wieħed li serva biss ta’ showcase għall-Gvern Laburista. “Din hija prova ċara ta’ kemm il-Gvern huwa maqtugħ mir-realtà. Filwaqt li fuq naħa għandek ħafna professjonisti li jixtiequ investiment aħjar, fuq in-naħa l-oħra għandek Gvern li kontinwament qed iberbaq flejjes kbar.”
Matul il-konferenza saret referenza wkoll għall-għadd ta’ artisti li bbojkottjaw l-avveniment u ma attendewx. Quddiem din ir-realtà, Karl Gouder spjega illi bilfors trid issir mistoqsija mill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex wieħed isib x’hemm ħażin ġaladarba dawk intiżi tant f’din l-industrija għażlu li ma jipparteċipawx; mistoqsijiet li jagħtuna risposti dwar għaliex twarrbet il-lingwa Maltija u għaliex intefqu daqstant flus. “Partit Nazzjonalista fil-Gvern huwa kommess li jieħu din l-industrija bis-serjetà, mhux biss għaliex hekk jixirqilha iżda wkoll għaliex hu settur importanti għall-ekonomija.”
Il-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Alex Mangion spjega kif għal darb’oħra x-xandir pubbliku spiċċa sabiex intuża mill-Gvern bħala pjattaforma oħra li permezz tagħha jkun jista’ jwassal il-propaganda tiegħu. Mangion spjega kif il-PN jrid li l-ġid komuni jitqassam f’oqsma differenti, inkluż u mhux l-inqas fil-qasam tal-arti u l-kultura.
Mangion spjega kif din in-nefqa esaġerata għal serata waħda hija parti minn sensiela ta’ tberbiq ta’ flus il-poplu. Semma fosthom l-infiq fuq individwi qrib Gvern Laburista li ngħataw somom kbar sabiex jaħdmu kampanji elettorali; in-nefqa fuq il-famuża kirja fuq ix-showroom tal-kmamar tal-banju sabiex jintuża bħala uffiċini, u l-kuntratt ta’ €17,000 fix-xahar li l-Prim Ministru Robert Abela gawda minnu sakemm sar Prim Ministru.