Il-Gvern Jippreżenta L-Abbozz Ta’ Liġi Biex Il-Qtil Tan-Nisa Jitqies Bħala Femiċidju
Il-lejla tressaq għall-ewwel qari fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi li jikkumbatti l-femiċidju, jiġifieri l-qtil tan-nisa.
Permezz ta’ dawn l-emendi li kienu approvati mill-Kabinett, l-femiċidju issa se jkun kunsidrat bħala offiża separata, fejn il-piena f’dan il-każ se jkun irrakkomandat li tkun l-eħrex waħda.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, waqt konferenza li saret illum qal li l-konsultazzjoni dwar din il-liġi bdiet biss ftit wara l-qtil ta’ Paulina Dembska, li ġiet maqtula bħal-lum xahar.
Huwa spjega li se tkun qed jitneħħa r-reat ta’ passjoni mill-kodiċi kriminali u meta dan iseħħ se jiġi kunsidrat bħala omiċidju volontarju xorta waħda.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici, waqt din l-istess konferenza spjega kif għall-ewwel darba f’Malta se jiġi rikonoxxut legalment il-femiċidju li se jiġi definit bħala l-qtil ta’ mara minn raġel minħabba li hija mara.
Nisa li jinqatlu waqt li jkunu qed jagħmlu xogħol sesswali ukoll se jiġu kunsidrati taħt femiċidju.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif matul l-aħħar ġimgħat kien hemm konsultazzjoni wiesgħa ma’ diversi esperti fis-suġġett u anke diversi għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa.
Diversi għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa faħħru dan l-abbozz imressaq mill-Gvern, fosthom l-attivista Dr Lara Dimitrejevic li ddeskriviet dan l-abbozz bħala storiku u qalet li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija pandemija li iżda tiġi solvuta.
“Qed nirrikonoxxu wkoll li għandna problema fis-soċjetà tagħna. Huwa pass u impenn politiku, li ilni ngħid kemm huwa importanti li jkun involut il-politikat, li jgħid isma’ qed inwasslu messaġġ fis-soċjetà tagħna fil-pajjiżna tagħna, iċ-ċittadini tagħna m’għandniex nibqgħu sejrin hekk, irridu nagħmlu xi ħaġa dwarha u dan huwa l-ewwel pass.”
L-abbozz tressaq għall-Ewwel Qari l-Erbgha filgħaxija mill-Ministru għall-Ugwaljanza.