“Il-Gvern Ma Għamel Xejn Biex Vitals U Steward Iwettqu Dak Li Kien Miftiehem U Tħallsu Għalih” – Il-PN
Id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet qed iwassal għal stiwazzjoni li qed taffettwa lil kulħadd hekk kif il-poplu Malti u Għawdxi qed jibqa’ jinsteraq il-miljuni.
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Karol Aquilina għamel referenza għall-artiklu li ġie ppubblikat fit-Times of Malta miktub mill-President ta’ Steward Healthcare li fih tagħti rendikont dwar id-deal tat-tliet sptarijiet. Huwa semma kif dan id-deal ma kienx ippjanat sew favur il-poplu Malti u Għawdxi. Saħaq li Vitals ħolqu ruxmata kumpaniji biex jgħattu dak l-abbuż li kienu qed iwettqu. Semma wkoll kif Vitals ma kienu jżommu l-ebda kontijiet. Vitals ingħataw il-miljuni ta’ ewro f’fondi pubbliċi u ħadd mill-Gvern ma kien għassa tagħhom jew jiċċekjahom. Semma kif Vitals ma ħallsux il-VAT u Steward l-anqas ma jridu jħallsu. Fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern ma għamel xejn biex Vitals iwettqu dak li kien miftiehem u tħallsu għalih.
Karol Aquilina qal li dan id-deal hu falliment u daqstant ieħor hu falliment il-kumitat li kien ħatar il-Prim Ministru Robert Abela għax għadu sal-lum ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni u ma sar l-ebda ftehim ġdid, tant li Steward Malta spiċċat tikteb fuq il-gazzetti.
Id-deputat Adrian Delia qal li l-gvern Laburista ta’ Robert Abela ddeċieda li jibqa’ jħallas il-miljuni fis-sena mingħajr ma jsib soluzzjoni ma’ Steward dwar dan il-kuntratt skandaluż, u minflok qed jistenna l-eżitu tal-kawża fil-qrati biex il-poplu Malti jieħu lura l-isptarijiet tiegħu.
Adrian Delia spjega li mhuwiex minnu li Steward Malta qed taqdi lill-poplu Malti u qegħdin “on budget” kif kitbu fl-artiklu għax s’issa għadu ma sar l-ebda titjib strutturali fit-tliet sptarijiet kif miftiehem fil-kuntratt minkejja li ħadu l-miljuni. Minbarra dan, id-Deputat Nazzjonalista spjega wkoll li s’issa għadhom ma pprovdew l-ebda sodda mit-800 li kellhom jisservisjaw skont il-kuntratt, u dan askapitu tal-Maltin u l-Għawdxin li jkunu jeħtieġu trattamenti jew kura medika fl-isptarijiet tagħna.
“Il-Prim Ministru u l-gvern biss mhumiex jintebħu li dan hu falliment kbir minn flus il-poplu,” kompla jgħid Adrian Delia, “Minflok qed jamministra flus il-nies kif inhu xieraq, il-gvern Laburista qed jagħżel li jkun kompliċi f’dan il-kuntatt ‘frawdolenti’ kif sejħulu Steward stess, billi xorta jivvota favur il-Baġit 2022 li jibqa’ jimpalalhom l-miljuni.”
Fid-dawl ta’ dan kollu, saħaq li se tissokta l-ġlieda fil-qrati biex il-Maltin u l-Għawdxin li ħallsu flejjes kbar u ma gawdew xejn, jieħdu lura l-isptarijiet tagħhom kif mistħoqq. Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-Partit Nazzjonalista.