Il-Gvern Malti Se Jkun Qed Jassisti Lill-Poplu Ukren Bi Provvisti Mediċi

 Il-Gvern Malti Se Jkun Qed Jassisti Lill-Poplu Ukren Bi Provvisti Mediċi

B’rabta mal-iżviluppi li qed iseħħu fl-Ukrajna, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li ser ikun qed jibgħat assistenza umanitarja lill-poplu Ukren permezz tal-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili.

Issa ser ikun qed jibda il-proċess li jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bih pajjiżna jassisti pajjiżi barranin li jkollhom bżonn għajnuna umanitarja urġenti.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li għal darba oħra Malta se tkun qed toffri assistenza umanitarja urġenti lill-popli ta’ pajjiżi oħra li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli.

“Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jkun fuq quddiem fil-koordinament ta’ din it-tip ta’ għajnuna lil pajjiżi oħra. Bis-saħħa ta’ din il-ħidma, pajjiżna ser jingħaqad ma’ ħafna Stati Membri oħra li qed jibagħtu l-għajnuniet lill-Ukrajna f’dan il-mument diffiċli”, qal il-Ministru Camilleri.

F’kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela wara lejl ta’ diskussjonijiet dwar it-tensjoni fl-Ukrajna, flimkien mal-membri kollha tal-UE, inkluż bis-sehem tal-President Zelensky, qal li kien hemm qbil fuq sanzjonijiet.

Dr Robert Abela spjega li dawn is-sanzjonijiet se jkunu mmirati lejn setturi ekonomiċi partikolari. Id-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew ikomplu.

“Hemm xokk għal dak li qed iseħħ quddiem għajnejna. Iżda, sentiment komuni jibqa’ x-xewqa għall-paċi u l-waqfien mill-ġlied. Malta se tassisti bi provvisti mediċi,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com