Il-Ministru Ian Borg F’Laqgħa Tal-Kunsill Tal-Ministri Tal-Avjazzjoni Fi Franza
Bħala parti mill-attivitajiet tal-Presidenza Franċiża għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg kien f’laqgħat uffiċjali f’Toulouse f’isem il-Gvern Malti. Matul dawn il-laqgħat kienu diskussi pjanijiet prospettivi għas-settur tal-avjazzjoni.
Matul il-laqgħa tal-Ministri ġiet addottata d-Dikjarazzjoni ta’ Toulouse li tħares b’mod sħiħ lejn futur sostenibbli għas-settur tal-avjazzjoni kif ukoll lejn modi effettivi li jsarrfu fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur.
Il-Ministru Ian Borg qal, “Ħafna jemmnu li din hija dikjarazzjoni storika li ser tibdel il-futur tal-avjazzjoni u ġġib tnaqqis fi tniġġis li dan jikkawża. Meta wieħed iqis l-impatt li kellha l-pandemija fuq dan is-settur fuq skala globali, ta’ min jinnota li Malta kienet minn tal-ewwel li qamet fuq saqajha sabiex dan is-settur, li huwa pilastru ewlieni għall-ekonomija tagħna, jerġa’ jibda jopera b’mod effettiv ħafna sabiex jkompli iħalli l-frott u jiġbed bosta investimenti lejn pajjiżna.”
F’din il-laqgħa ġew diskussi bosta premessi fosthom dwar l-irwol essenzjali tal-avjazzjoni fl-iżgurar u t-titjib tal-konnettività multimodali reġjonali kif ukoll fuq skala globali għall-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Ġew diskussi wkoll pjanijiet dwar il-ħtieġa għall-azzjoni immedjata u adegwata biex tappoġġja u tinċentiva d-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-ftehim ta’ Pariġi u s-sitt rapport ta’ valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima.
Sar elenku wkoll għall-impenji klimatiċi tal-Unjoni Ewropea għall-2030 u l-2050 u l-pakkett Fitfor55.
Waqt din iż-żjara l-Ministri Ewropej żaru wkoll il-faċilitajiet tal-kumpanija internazzjonali AirBus li tipproduċi ajruplani għall-bosta linji tal-ajru.