Il-MPE Josianne Cutajar Tinħatar Viċi Ċerpersin Tal-Grupp Dwar Il-Gżejjer SEArica

 Il-MPE Josianne Cutajar Tinħatar Viċi Ċerpersin Tal-Grupp Dwar Il-Gżejjer SEArica

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar inħatret bħala Viċi Ċerpersin tal-Intergrupp Ewroparlamentari SEArica, li jiffoka fuq ħidma favur il-gżejjer, l-ibħra, xmajjar u żoni kostali.

F’dan l-irwol importanti, Dr. Cutajar se tkun qed tiffoka b’mod partikolari fuq in-Negozji Żgħar u Medji (SMEs) u anke d-Diġitalizazzjoni.

L-Ewroparlamentari Maltija qed taħdem bis-sħiħ favur politika li tassisti lin-negozji tagħna, speċjalment dawk żgħar u medji, ħidma li intensifikat fi żminijiet li ddominat l-imxija tal-COVID. Hija qed taħdem ukoll għal qalba diġitali li minnha jgawdi kulħadd, inkluż negozji żgħar li ġejjin minn gżejjer bħal Malta u Għawdex.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għal din il-ħatra Dr. Cutajar qalet li tinsab sodisfatta li l-kollegi barranin urew il-fiduċja tagħhom lejha u lejn ix-xogħol li qed twettaq f’dawn is-setturi, fiduċja li ser issarraf billi tkompli taħdem biex ikollna politika Ewropea aktar b’saħħitha u rilevanti f’dawn l-oqsma.

Bħala Għawdxija, Josianne Cutajar tifhem bis-sħiħ l-isfidi li l-gżejjer, inkluż dawk bħal Għawdex li jiffaċċjaw insularità doppja, iħabbtu wiċċhom magħhom – u għalhekk qed tiffoka l-ħidma tagħha biex l-Unjoni Ewropea tilħaq patt ġdid mal-gżejjer fi ħdanha.

Fost ħidma kurrenti li Dr Cutajar għaddejja biha fil-Parlament Ewropew hemm propju rapport dwar il-gżejjer fil-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll rapport dwar il-proposta leġislattiva tal-Path to the Digital Decade, proposta li fost il-miri tagħha hemm li sal-2030 ikollna 90% tal-SMEs fl-Unjoni Ewropea li jilħqu intensità diġitali bażika. Cutajar kienet ukoll fdata bħala n-negozjatriċi tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fuq ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropea għan-Negozji Żgħar u Medji.

Intant l-Ewroparlamentari Maltija qalet kif tħares ’il quddiem sabiex tibqa’ taħdem u tkun il-vuċi ta’ dawk ġejjin minn gżejjer bħal tagħna, inkluż eluf ta’ negozji żgħar u medji li minnhom jiddependu tant u tant ħaddiema u familji.  “Jekk jingħataw l-għajnuna neċessarja, huma wkoll jistgħu – mhux biss jibbenefikaw – imma jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom permezz tat-teknoloġija u l-qalba diġitali.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com