“Il-PL Huwa L-Partit Li Għandu L-Kreddibilità Biex Iwettaq Dak Li Jwiegħed” – Il-PM Robert Abela
“Malta Flimkien – ħafna enerġija, ideat, ottimiżmu, hekk bdejna u hekk se nkomplu. Għandna pjan għal Għawdex u għal Malta. Fil-jiem li ġejjin se nibqgħu nuru kif se nagħmlu l-futur ta’ dan il-pajjiż wieħed sabiħ. Se nibqgħu nkunu fostkom biex nispjegaw dawn il-pjanijiet iżda aktar importanti minn hekk biex nisimigħukom għax l-isbaħ ideat jitwieldu mill-qalba tal-kommunitajiet.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt li kien qed jindirizza rally li ġie organizzat fi Pjazza San Franġisk, f’Ħal Qormi b’rabta mal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema Malta Flimkien.
Waqt id-diskors tiegħu, l-Prim Ministru tenna sabiex kulħadd jiġbed ħabel wieħed, ħalli mir-Rebbiegħa li ġejja dan il-pajjiż ikun jista’ jkompli t-triq tan-normalità u jissaħħaħ bi prosperità ġdida.
Huwa ta ħarsa mill-ġdid lejn l-ewwel proposti li l-PL ressaq quddiem l-elettorat fil-Manifest Elettorali fosthom l-investiment ta’ €700 miljun ewro fil-qasam ambjentali. Il-Prim Ministru qal li l-PL huwa l-partit li għandu l-kreddibilità biex iwettaq dak li jwiegħed, u xhieda ta’ dan hemm l-implimentazzjoni ta’ għexieren ta’ miżuri u riformi li diġà ħallew differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies.
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-għażla hija dwar il-futur, minn għandu l-pjan u l-kredibilità u appella lill-Maltin u l-Għawdxin biex jissieħbu fil-kampanja tal-PL għax il-kampanja hija waħda ta’ għaqda, ta’ min iħobb u ta’ min ma jibżax mill-bidla.