“Il-PL Kommess Li Joffri Futur Mibni Fuq L-Għaqda U L-Pożittivita Bi Pjan Ta’ 1000 Proposta” – Il-PM Robert Abela
“Grazzi lilkom li qed tingħaqdu magħna. Grazzi li temmnu f’Malta Flimkien. Flimkien nistgħu nwettqu l-isbaħ affarijiet. Sebat ijiem diġà kienu biżżejjed biex toħroġ id-differenza. Id-differenza bejn min jista’ joffri futur għall-Għawdxin u l-Maltin, u min bih nissugraw li nieħdu l-pajjiż lura. Aħna, lkoll flimkien, erġajna qed nuru b’mod ċar kif nistgħu noffru futur mibni fuq l-għaqda u l-pożittivita. Ħaddieħor reġa’ nqasam fl-aktar jum li suppost kien u deher magħqud.”
Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qed jindirizza Mass Rally fin-Naxxar.
Dr Abela reġa’ fakkar dwar is-sensiela ta’ proposti b’saħħithom li ġew imnedija din il-ġimgħa, li ser jagħmlu differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin. Sostna li ħaddieħor beda billi wiegħed dak li ilu jeżisti diġà. Dr Abela kompla li għada se jitħabbru aktar proposti li huma parti mill-pjan għall-futur ta’ pajjiżna, kif ukoll fil-jiem li ġejjin se jitwettqu aktar riformi, għax pajjiż ġust jagħti l-istess opportunita’ lil kulħadd.
“Dil-ġimgħa ħabbarna ħames proposti ewlenin. Però għadna lanqas bdejna. Għandna pjan settur, settur. Pjan b’elf proposta għall-futur ta’ pajjiżna. Minn mitt idea wellidna elf proposta li nibtu minn fostkom. U lesti nisimgħu iktar,” saħaq il-Mexxej tal-PL.
Dr Abela sostna li Malta ta’ wara l-pandemija hi dik li qed jiġi ppreżentat f’din il-kampanja elettorali. Malta isbaħ, kwalità ta’ ħajja aħjar, opportunitajiet għal kulħadd. Kompla li min imexxi pajjiż irid ikollu proġett għalih u sostna li se jkunu Gvern għan-nies u ffukati fuq l-implimentazzjoni tal-pjan li jkompli jagħmel minn pajjiżna wieħed b’saħħtu, ambizzjuż u modern.
“Malta Flimkien se nagħtukom ambjent isbaħ, se nkomplu nkabbru l-ġid ta’ pajjiżna, se nagħtu ħajja aħjar lill-anzjani tagħna, ż-żgħażagħ se jwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, il-familji se jkollhom spalla akbar u se nibqgħu kburin b’pajjiżna. Malta Flimkien, il-futur sabiħ,” ikkonkluda Dr Robert Abela.