Il-PM Jikkundanna Kull Aggressjoni Jew Theddida Fuq L-Integrità U S-Sovranità Territorjali Tal-Ukrajna

 Il-PM Jikkundanna Kull Aggressjoni Jew Theddida Fuq L-Integrità U S-Sovranità Territorjali Tal-Ukrajna

“It-tensjoni fl-Ukrajna u l-intelliġenza dwar il-possibbiltà ta’ attakk militari ilha tippersisti. Iżda, ix-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied ta’ qalb. L-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukrajna u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom.”

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fid-dawl tal-aħħar żviluppi u l-aggressjoni fuq l-Ukrajna.

Fi stqarrija Dr Robert Abela qal li t-triq li dejjem ħdimna fiha, jiġifieri dik tad-diplomazija biex naslu għal soluzzjoni u nissalvagwardjaw il-paċi bid-djalogu, hi r-rotta li konna u nibqgħu nippreferu.

“Dejjem insistejna li d-djalogu u tiftix tas-soluzzjonijiet hu aħjar minn kwalunkwe kunflitt.”

Huwa żied jgħid li bħala mexxejja Ewropej se jkunu qed jiltaqgħu fi Brussell iktar tard illum.

“Se nibqgħu nagħtu l-appoġġ u nuru solidarjetà mal-Ukrajna. Dan filwaqt li nikkundannaw kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-Istat.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com