Il-PM Robert Abela Jħabbar L-Ewwel Sett Ta’ Proposti Waqt It-Tnedija Tal-Kampanja Elettorali

 Il-PM Robert Abela Jħabbar L-Ewwel Sett Ta’ Proposti Waqt It-Tnedija Tal-Kampanja Elettorali

“Malta isbaħ; kwalita tal-ħajja aħjar; opportunitajiet għal kulħadd. Dawn huma l-għanijiet li rridu nilħqu flimkien għall-futur. Biex nilħqu dawn l-għanijiet għandna pjan b’saħħtu li ser inressqu quddiem il-poplu Malti u Għawdxi. L-għażla tas-26 ta’ Marzu hija dwar il-futur u l-futur nibnuh bl-ideat.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela lbieraħ filgħaxija waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn nieda uffiċjalment il-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema Malta Flimkien, kif ukoll ħabbar l-ewwel sett ta’ proposti għall-kampanja 2022.

Il-Prim Ministru preżenta l-ewwel 5 proposti li jkomplu jibnu fuq it-tajjeb li diġà sar, kif ukoll iħarsu lejn il-prijoritajiet ġodda li għandu pajjiżna. Huwa sostna li dawn huma biss ħamsa mill-bosta proposti li ser ikunu qed jressqu quddiem il-poplu. Permezz ta’ dawn il-proposti kull settur għandu jimxi ‘l quddiem.

L-ewwel proposta kienet li Gvern Laburista se jkun qed jinvesti €700 miljun fi spazji ħodor ġodda. Huwa qal li din il-proposta se tkun qiegħda tibdel il-wiċċ ta’ dan il-pajjiż.

Il-PL qed iwiegħed ukoll aktar tnaqqis fit-taxxi għal kulħadd billi jitwessgħu t-tax bands tal-income tax. Robert Abela qal ukoll li se jkun qed jingħata tax refund aktar b’saħħtu.

Proposta oħra tal-PL hija li jitnaqqas b’10% l-Corporate Tax fuq l-ewwel €250,000 ta’ qliegħ għan-negozji.

Il-Mexxej Laburista qal ukoll li Gvern imexxi minnu se jkun qed iżid l-pensjonijiet. Huwa wiegħed żieda ta’ €15 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet tul il-leġislatura kollha, b’żieda totali ta’ €2,340 fil-pensjoni. Robert Abela wiegħed ukoll li l-mediċini kollha li hemm fuq il-formularju tal-Gvern se jkunu b’xejn għall-pensjonanti kollha.

L-aħħar proposta f’dan l-ewwel sett ta’ miżuri hija li l-Gvern se jkun qed iħallas €1,000 mill-pagament tal-loan tal-first time buyers għall-ewwel 10 snin tal-loan. “Dan ifisser €10,000 fil-bwiet tal-first-time buyers f’10 snin.” Huwa qal li din l-iskema tibda tapplika għall-kuntratti li ġew iffirmati minn Jannar ta’ din is-sena.

“Il-proposti tal-lejla jaħsbu biex ikollna pajjiż isbaħ, familji b’aktar dħul, pensjonanti li jgħixu aħjar, negozji li jimirħu aktar, żagħżagħ li jwettqu l-ħolma tal-ewwel dar tagħhom. Għandna pjan ambizzjuż ħafna u dak li nwegħdu għandkom garanzija li ser nwettquħ. Malta flimkien, il-futur sabiħ,” temm jgħid il-Mexxej tal-PL Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com