Il-PM Robert Abela Jwiegħed Li Gvern Laburista Jżid L-Istipendji Bi 15%

 Il-PM Robert Abela Jwiegħed Li Gvern Laburista Jżid L-Istipendji Bi 15%

“Fil-leġiżlatura li jmiss ser nerġgħu nżidu l-istipendji b’15%, wara li din is-sena stess Gvern Laburista żied l-istipendju b’10%”.

Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ilbieraħ f’Ħaż-Żebbuġ, waqt l-attività politika, meta rrisponda mistoqsija minn wieħed miż-żgħażagħ li attendew.

Il-Mexxej Laburista ħabbar ukoll li se jinfetaħ community hub ġdid fit-tramuntana ta’ Malta fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jirċievu taħriġ speċjalizzat biex jgħixu ħajja aktar indipedenti.

Għal mistoqsija oħra, l-Mexxej Laburista qal li bil-vot 16, dan il-Gvern kompla jsaħħaħ id-demokrazija ta’ pajjiżna u qal li jemmen li kull min jista’ jivvota għandu jkollu s-saħħa li jmur quddiem in-nies biex jagħżluh. Qal li għandu fiduċja assoluta f’din il-ġenerazzjoni u għalhekk jemmen li pajjiżna għandu jmur għall-pass li jmiss. “Intom iż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena, din se tkun l-ewwel elezzjoni ġenerali li se tivvotaw fiha u nittama li tkun l-aħħar waħda fejn tivvotaw u ma tikkontestawx. Irridu li din tkun parti mid-diskussjoni dwar ir-riforma elettorali”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fis-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna li fiha ingħaqad il-President Ukren Volodymyr Zelensky b’mod elettroniku. Huwa qal li f’sitwazzjoni bħal din ta’ min wieħed jieqaf u jaħseb, kemm aħna poplu xxurtjat li ngħixu f’post sikur, trankwill u fejn tirrenja l-paċi. Dwar l-impatt kummerċjali fuq pajjiżna, il-Prim Ministru qal li diġà saret analiżi u ma jidhirx li l-impatt se jkun wieħed sinifikanti. Huwa reġa’ ta garanzija li dwar il-kwistjoni tal-prezz tal-materja prima li tintuża għall-enerġija, primarjament iż-żejt u l-gass naturali, se jibqa’ jkun hemm stabbiltà fil-prezz, ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi. Ma dawn wieħed irid iżid il-prezz taċ-ċereali u l-qamħ li kif sar fuq l-enerġija pajjiżna se joqgħod attent ħafna x’inhu għaddej.

Fl-attività l-Prim Ministru wieġeb għal diversi mistoqsijiet minn dawk preżenti u amplifika fuq l-proposti li ressaq s’issa l-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss.  Qal li t-twemmin tal-Partit Laburista hu li apparti li jinvesti fil-faċilitajiet u r-riżorsi edukattivi, jinvesti direttament fl-istudenti. Il-Partit Laburista se jippreżenta għadd ta’ proposti għall-qasam edukattiv – proposti li huma student-oriented u li jduru mal-kwalità tal-esperjenza edukattiva tal-istudenti.

Il-Mexxej Laburista tkellem dwar Malta isbaħ b’ambjent aħjar u għalhekk l-investiment ta’ €700 miljun fuq 7 snin għal spazji ħodor ġodda. Huwa qal li qatt daqs illum ma konna f’pożizzjoni li nwettqu dak li lkoll nixtiequ meta tara li fil-budget għal din is-sena żdiedet l-allokazzjoni ambjentali minkejja l-impatt finanzjarju tal-pandemija, filwaqt li aktar minn nofs il-pjan ta’ rkupru huwa maħsub għal proġetti ambjentali.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li l-futur ta’ pajjiżna se jkun wieħed isbaħ, aktar inklussiv u aċċessibbli. Se tissaħħaħ u titwessa’ l-eliġibilita tal-iskema Sensability biex ikunu mgħejuna aktar ġenituri ta’ tfal b’awtiżmu li joħolqu multi-sensory room f’darhom. Se jkunu mibnija wkoll djar residenzjali ġodda fil-komunitajiet għall-persuni b’diżabilità, ser isir aktar investiment f’servizzi ġodda t’assistenza personali u skemi li bihom persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunità li trabbew fiha. Għal dan il-għan se jinfetaħ  community hub ġdid fit-tramuntana ta’ Malta fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jirċievu taħriġ speċjalizzat biex jgħixu ħajja aktar indipedenti.

“Biex inwettqu dan kollu, kunu parti mill-kampanja Malta flimkien. Ikkonvinċu iktar nies jersqu lejna. Għaliex dan kollu nissiġilawh fis-26 ta’ Marzu. Irridu inħaddnu prinċipju wieħed: Dak ta’ Malta Flimkien”, temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com