Il-PN Bi Proposti Biex Tissokta L-Inklużjoni Tal-Komunità LGBTIQ+
Il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mil-President tal-FOIPN Jamie Vella, il-Viċi President Rebekah Cilia u l-membru tal-FOIPN Stanley Portelli ressaq numru ta’ proposti biex tissokta l-inklużjoni tal-komunità LGBTIQ. Huma ħabbru numru ta’ proposti biex ikomplu jgħinu fl-inklużjoni ta’ din il-komunità.
Il-Kelliema tal-PN qalu li filwaqt li r-ranking ta’ Malta bħala pajjiż mexxej fil-qasam tad-drittijiet LGBT għandu jagħmilna kburin, “tajjeb nżommu f’moħħna li kisbiet fil-qasam tad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza qatt m’huma garantiti u jeħtieġu tisħiħ kontinwu li jirrifletti ir-realtajiet u l-isfidi preżenti.”
“Nafu bħala fatt li hawn ħafna anzjani LGBTIQ ġejjin minn ġenerazzjoniet fejn għal żmien twil kellhom bilfors jaħbu l-identità tagħhom, fejn reati omofobiċi kienu aktar komuni, iżda illum il-ġurnata ftit li xejn nafu dwar x’effetti permanenti din t-trawma ħalliet fuqhom,” tennew il-Kelliema tal-PN filwaqt li spjegaw b’każijiet ta’ anzjani LGBTIQ, li malli jaslu f’età fejn isiru aktar dipendenti fuq familjari, carers jew assisted living facilities, dawn jagħżlu li jerġgħu jaħbu l-identità tagħhom, minħabba biża li ma’ jiġux aċċettati.
Intqal li Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed jaħdem id f’id f’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kummissjoni tal-anzjanità, sabiex issir riċerka iffanzjata mill-Gvern, fuq perjodu ta’ żmien stabbilit, u bil-għan li l-istess riċerka tidentifika kif ukoll toffri rakkomandazzjonijiet lill-Gvern sabiex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati u titjieb il-kwalità tal-ħajja għal dawn il persuni.
Il-Kelliema tal-PN sostnew ukoll li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikun qiegħed jinvesti f’ċentri reġjonali li fihom isiru attivitajiet għal integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-komunità LGBTIQ fi ħdan is-soċjetà, liema attivitajiet jindirizzaw b’mod partikulari l-problema tal-iżolament tal-anzjani, u dawk akbar fl-età, fi ħdan il-komunità LGBTIQ. “Dan jista’ jsir b’kollaborazzjoni sħiħa mad-diversi Għaqdiet Non-Governattivi u Volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam u li diġà illum iwettqu ħafna xogħol f’dan ir-rigward.”
Proposta oħra li ħabbru l-Kelliema tal-PN hi li jsir investiment b’mod adegwat f’GU Clinic li jkollha il-finanzjament u l-istaff adegwat biex tkun tista’ taqdi d-dmirijiet tagħha bl-aħjar mod possibbli.