“Il-PN Diġà Qed Jirnexxielu Jibdel Il-Pajjiż Mill-Oppożizzjoni…Immaġina X’Jista’ Jagħmel Fil-Gvern” – Bernard Grech
“Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li t-taxxi kollha u kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali li akkumulaw matul il-pandemija tal-Covid-19 jitħallsu fuq perjodu ta’ tmien snin bl-iskop li ngħinu lin-negozji tagħna minħabba l-isfidi li qed jiffaċċjaw fejn tidħol cash-flow.”
Dan tħabbar illum mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt attività politika f’Ħal Safi fejn qal li b’din il-wegħda se jkun qed jgħin ukoll lill-ħaddiema.
Matul id-diskors imqanqal tiegħu Bernard Grech ħabbar ukoll li bi Gvern ġdid Nazzjonalista membri tal-Korpi dixxiplinati se jkunu intitolati li jirċievu pensjoni wara 25 sena ta’ servizz bil-possibilità li jibqgħu jservu lill-pajjiżna filwaqt li jieħdu l-pensjoni tas-servizz.
Bernard Grech qal li r-riżultati tal-PN diġà qed jidhru, anke mill-Oppożizzjoni hekk kif “illum saret rebħa oħra għall-poplu Malti grazzi għall-Partit Nazzjonalista.” Dan wara li Robert Abela llum fid-diskors politiku tiegħu ħabbar li se jibda jirrifondi koppji li jonfqu eluf fuq medikazzjoni tal-IVF.
Intqal li Robert Abela dam xhur jiċħad li l-pazjenti kienu qed jonfqu flushom fuq l-IVF, sakemm wara xhur ta’ pressjoni, Robert Abela fl-aħħar ġie mġiegħel jagħmel ġustizzja mal-koppji li jagħmlu l-IVF.
“Il-Partit Nazzjonalista diġà qed jirnexxielu jibdel il-pajjiż mill-Oppożizzjoni. Immaġina x’jista’ jagħmel fil-Gvern,” tenna Bernard Grech.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech tkellem ukoll dwar kif illum il-ġurnalisti kixfu r-relazzjoni ta’ Robert Abela mal-kriminali. “Minflok iwieġeb il-mistoqsijiet, huwa jsostni li l-ġurnalisti qed jgħawwġu l-fatti biex jiżirgħu d-dubju. Robert Abela għandu jwieġeb il-mistoqsijiet li qed jagħmlulu s-Sunday Times of Malta dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-kriminali.”