Il-PN Jipproponi 12 il-Miżura Għall-Ħarsien Tal-Annimal
Għajnuna lil min jitma l-qtates, programmi nazzjonali ta’ micro-chipping u neutering, irregolarizzar tal-istabbilimenti li jservu bħala zoos, u pieni aktar ħorox għall-moħqrija tal-annimali.
Dawn huma l-punti prinċipali minn 12-il miżura li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista għall-ħarsien u d-drittijiet tal-annimali.
“Kollha kemm aħna nixtiequ nevitaw li nerġgħu nisimgħu b’aħbarijiet ta’ moħqrija ta’ annimali, abbuż u traskuraġni li biha jbatu ħlejjaq innoċenti, iżda biex nassiguraw dan hemm bżonn ta’ miżuri aktar sodi u mmirati.”
Dan kien il-messaġġ tal-Kelliem Peter Agius flimkien mal-Kandidati Rebekah Cilia u Bernice Bonello waqt it-tnedija ta’ dawn il-miżuri.
Il-PN qed jipproponi li:
- Jiżdiedu l-funzjonijiet, il-poteri u r-riżorsi tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.
- Flimkien mal-veterinarji f’pajjiżna nagħmlu kampanja nazzjonali sabiex jissewwew annimali abbandunati (National Neutering Campaign).
- Pieni aktar ħorox għal min jaħqar l-annimali jew iżommhom f’kundizzjonijiet mhux xierqa.
- Stabbilimenti li qed iservu bħala ‘zoo’ jiġu regolati b’mod li jitħares l-aħjar interess ta’ l-annimali f’operat ristrett u kontrollat mill-awtoritajiet, filwaqt li ma’ jiġux permessi aktar stabbilimenti simili ġodda.
- Jissaħħu l-mezzi ta’ infurzar u jinħarxu l-pieni fil-konfront ta’ min jimporta annimali mingħajr il-permessi neċessarji.
- Tinstab soluzzjoni fl-aħjar interess ta’ l-annimali eżotiċi li hawn f’pajjiżna, u b’effett immedjat tiġi projbita l-importazzjoni u t-trobbija ta’ aktar annimali ta’ dan it-tip mingħajr permess minn qabel.
- Jitħaffef il-programm ta’ microchipping tal-qtates sabiex innaqqsu l-abbandun u s-serq tagħhom.
- Isiru kampanji edukattivi u jidħlu aktar inċentivi, fosthom l-użu ta’ veterinarji u sptarijiet sussidjat, biex aktar nies jitħajru jaddottaw minflok jixtru annimal.
- Ikunu rregolati aħjar l-attivitajiet marbutin mat-trobbija tal-klieb u l-qtates.
- Jitnieda programm intiż biex jassisti, permezz ta’ faċilitajiet u finanzjament, lil dawk il-persuni li volontarjament jitimgħu il-qtates.
- F’kull zona pubblika ewlenija madwar Malta u Għawdex għandu jkun hemm park li jkun animal-friendly sabiex tissaħħaħ il-kultura li l-annimali huma meqjusin parti mill-familja.
- Jitwettaq il-proġett taċ-ċimiterju ta’ l-annimali.
Il-Kelliema tal-PN wegħdu li dawn il-proposti jinbdew jitwettqu ilkoll fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista bil-maġġor parti tagħhom ikunu implimentati fl-ewwel sena tal-leġislatura.
Intqal li dawn il-proposti ġew preżentati wara konsultazzjoni ma’ diversi persuni u għaqdiet fis-settur.