Il-PN Jipproponi Għotja Annwali Ta’ €300 Lill-Ġenituri Tal-Istudenti U Tnaqqis Fit-Taxxa Għall-Miżati Tal-Iskejjel
“Biex nappoġġjaw lill-familji fil-formazzjoni tat-tfal, ser indaħħlu skemi biex ġenituri jkunu jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli, kull miżata tal-iskola, ħlasijiet għall-attivitajiet ekstrakurrikulari kif ukoll dawk marbutin mal-isport.”
Il-PN qed jipproponi wkoll għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm ekstrakurrikulari strutturat u rreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG tal-għażla tagħhom; fl-isport, fil-performing arts u fil-kultura u l-arti.
Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li ħa sehem fil-programm Qalb il-Familja mxandar fuq NET Television.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’dawn il-miżuri rridu ngħinu lil kulħadd jirnexxi u jilħaq il-potenzjal tiegħu, “mill-aktar ambizzjużi sal-aktar vulnerabbli.”
Fakkar ukoll li Gvern Nazzjonalista se jkun qed inaqqas ukoll it-taxxa għall-kowċis u l-artisti kollha, u għajnuna lin-nurseries biex jinvestu fl-istaff u l-bini tagħhom. “Dan sabiex inħeġġu lit-tfal biex jirnexxu fl-ambizzjonijiet tagħhom.”
Il-Kap tal-PN Bernard Grech semma wkoll il-fond ta’ biljun ewro li huwa maħsub li jixpruna t-twaqqif ta’ għaxar setturi ġodda filwaqt li jgħin fit-tisħiħ tas-setturi eżistenti b’enfasi speċjali fuq l-avjazzjoni, manifattura lussuża, gaming, servizzi finanzjarji, life sciences u teknoloġija.
Huwa temm jgħid li l-iskop tal-PN hu dak li jerġa’ jagħti viżjoni lill-pajjiżna filwaqt li jerġa’ jpoġġi isem pajjiżna f’post ta’ eċċellenza kif dejjem kien fis-snin qabel Gvern Laburista.